F’kundizzjonijiet verament sajfin, Antoine Magaud tat-The Cyclist byAgones rebaħ il-30 edizzjoni tal-Visit Malta Tour Internazzjonali ta’ Malta, u kiseb it-tieni rebħa tiegħu f’dan it-Tour wara li kien diġà rebaħ fl-2023, biex b’hekk laħaq il-kisba ta’ Giuseppe Di Salvo b’żewġ rebħiet fit-Tour.
Magaud issiġilla r-rebħa tiegħu billi rebaħ ukoll l-aħħar stadju fuq iċ-ċirkwit tal-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar, fuq distanza ta’ 45.1km, b’ħin ta’ 1:36:24, għal ħin totali ta’ 3:54:52. Sieħbu fit-tim Kai Azzopardi spiċċa fit-tieni post kemm fl-aħħar stadju kif ukoll fil-klassifika finali b’ħin totali ta’ 4:03:06, filwaqt li d-debuttant Andrei Cassone, ukoll tat-The Cyclist by Agones, spiċċa t-tielet b’ħin ta’ 4:03:31. Fil-klassifika finali tal-Maltin, Kai Azzopardi ħareġ rebbieħ, segwit minn Andrei Cassone fit-tieni post u Clive Ebejer
tat-Team Greens fit-tielet post.
Il-kategorija tan-nisa ntrebħet minn Ellie Mitchinson (Brother UK – On Form), li rebħet l-aħħar stadju ta’ 36.8km f’ħin ta’ 1:27:44, biex kisbet l-aħjar ħin totali ta’ 3:46:21. Iċ-champion tas-sena l-oħra Gemma Mitchell (FTP Racing Team) spiċċat fit-tieni post overall b’ħin ta’ 3:46:38, filwaqt li Margerita Di Martino (ASD Bike Queen Sicilia) daħlet fit-tielet post b’ħin ta’ 3:54:57. Fil-klassifika finali tan-nisa Maltin, Ella Friedlander (Cycle Club Ashwell – UK) spiċċat l-ewwel b’ħin ta’ 4:10:37, segwita minn Michelle Vella Wood (4:20:21) u Katinka Zahra Lehtonen (5:18:55), it-tnejn tat-Team Greens. Sfortunatament, tliet ċiklisti oħra tal-istess team, Marie Claire Aquilina kellha tabbanduna t-Tour wara inċident sfortunat fit-tieni stadju, u fl-istess stadju rtiraw ukoll Diana Muscat u Danica Bonello Spiteri minħabba problemi mekkaniċi.
Fil-finali tal-kategorija Masters, Daniele Arizzi (MTB ASD Rosolini – Sicilia) rebaħ l-aħħar stadju ta’ 36.8km fi sprint finali b’ħin ta’ 1:15:59, segwit minn David Mitchinson (Sigma Sports Masters – UK), filwaqt li Mario Marino daħal fit-tielet post. Ir-rebħa overall tal-Masters marret għand Carmelo Nicolosi (Team Sparkle Scicli –Sicilia) b’ħin totali ta’ 3:21:54, segwit minn Carmelo Aiello (3:22:10) u David Mitchinson (3:22:52). Fil-klassifika finali Maltija tal-Masters, Arec Kawalec tat-Team Greens spiċċa l-ewwel b’ħin ta’ 3:24:49, segwit minn sieħbu Etienne Bonello (3:31:49) u Robert Zammit (3:49:20).
Fi tmiem l-aħħar stadju tqassmu medalji, trofej u jersijiet lir-rebbieħa mill-Perit Censu Galea, Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, assistit minn uffiċjali għolja tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu – il-President John Zammit, is-Segretarju Ġenerali Joe Bajada u t-Teżorier Daniel Borg Olivier.
Dan it-Tour sar taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, bis-sapport ta’ Visit Malta, Sport Malta u l-Kumitat Olimpiku Malti. Il-Kumitat Organizzattiv jesprimi l-apprezzament sinċier tiegħu lil Visit Malta, Sport Malta, il-Kumitat Olimpiku Malti, Transport Malta, il-Kunsilli Lokali ta’ San Ġwann, San Pawl il-Baħar u l-Imġarr, LESA, ARRTS Timing System, il-Palazzin Hotel, kif ukoll lill-klabbs parteċipanti kollha għall-appoġġ kontinwu tagħhom li kkontribwixxa għas-suċċess ta’ dan l-avveniment.
//= $special ?>

