Il-leġġenda Amerikana tal-atletika Allyson Felix ħabbret li tixtieq tirritorna biex tikkompeti fl-Olimpjadi tal-2028 li se jsiru f’Los Angeles. Felix kienet irtirat mill-isport fl-2022 wara karriera mill-aqwa li fiha kisbet 11-il midalja Olimpika fosthom deheb fil-4×400 metru tan-nisa u bronż fl-400 metru tan-nisa f’Tokyo 2020.
Tul il-karriera tagħha, Allyson Felix kisbet il-midalji f’ħames Olimpjadi konsekuttivi bejn l-2004 u l-2020 fosthom tliet midalji tad-deheb fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012 fil-200m, fil-4x100m u fil-4x400m.
Felix, li hi l-aktar Amerikana ta’ suċċess fl-atletika, saħqet li mhux se tirritorna għal raġunijiet jew inċentivi finanzjarji iżda tkellmet dwar l-esperjenza tagħha meta attendiet l-Olimpjadi tal-2024 f’Pariġi bħala spettatur.
Hi qalet li tixtieq tesperjenza li tikkompeti quddiem il-pubbliku Amerikan. Minkejja li l-Olimpjadi tal-2028 huma skedati ftit xhur qabel tagħlaq 43 sena, Felix kompliet li ispirat ruħha minn Lindsey Vonn, LeBron James u Tom Brady li kollha kkompetew fl-ogħla livell wara li kienu għalqu l-40 sena.
L-Amerikana qalet li ma għandiex ħsieb li tikkompeti b’mod regolari bi tħejjija qabel il-provi Olimpiċi biex tibqa’ qrib it-tfal tagħha. Madankollu għandha l-ħsieb li tirritorna bit-taħriġ professjonali minn Ottubru bl-għan li tikkompeti f’kompetizzjonijiet uffiċjali s-sena d-dieħla.
//= $special ?>

