Lokali

“Gvern ġdid Nazzjonalista jassigura li dak li jwiegħed iwettqu”

“Gvern ġdid Nazzjonalista jassigura li dak li jwiegħed iwettqu. Il-poplu għandu jagħmel għażla li verament toffri nifs ġdid lill-pajjiżna.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni li twassal waqt konferenza stampa, fid-Dar Ċentrali li ġiet indirizzata mill-kandidati Adrian Delia, Mark Anthony Sammut u Anabelle Cilia – b’rabta mal-wegħdi mhux imwettqa mill-Gvern Laburista.

Matul din il-konferenza, Adrian Delia elenka wħud mill-wegħdi li għamel il-Gvern ta’ Robert Abela u li ma wettaqx tul il-mandat tiegħu u stqarr kif din il-konferenza issejħet propru għaliex iċ-ċittadin jinteressaħ li dak li jiġi mwiegħed jitwettaq. Adrian Delia beda billi saħaq li billi wieħed jaqta’ żigarella jew joħroġ dokument ma jfissirx li jkun wettaqt wegħda. U allura l-fatt li l-Labour jgħid li wettaq 82% tal-manifest elettorali mhuwiex minnu.Tkellem dwar il-fatt li fl-2017, Gvern Laburista kien wiegħed li Ċentru Ċensu Moran kien ser jiftaħ fl-2020 iżda fir-realta spiċċa fetaħ il-bibien tiegħu fl-2026 – sitt snin tard minn meta suppost fetaħ.

Adrian Delia tkellem dwar il-fatt li kellu jsir ċentru tas-Saħħa fit-Tramuntana tal-pajjiż iżda dan ma sarx. Fakkar ukoll kif Il-Gvern kien nefaq mad-900 miljun ewro fuq tliett sptarijiet – li wieħed minnhom kellu jsir f’Għawdex iżda fir-realta sallum ‘il ġurnata għadu ma sarx. B’rabta mal-isptar St Luke’s, Delia tenna li huwa ħasra li tħalla fi stat li jinsab fih u li għandu jsir ix-xogħol kollu meħtieġ fuqu sabiex ikun jistgħa jerġa’ jibda jopera u joffri servizzi ta’ kwalita lill-Poplu Malti u Għawdix kollu . Adrian Delia temm jisħaq li l-poplu għandu jagħmel l-għażla tiegħu abbażi ta’ min dak li jwiegħed kapaċi jwettqu.

Intant, Mark Anthony staqsa għalfejn s’issa għadu ħadd mill-Partit Laburista ma stqarr għalfejn issejħet elezzjoni qabel żmienha. Tkellem dwar wegħdi li saru fil-qasam tal-enerġija u li wara 4 snin fil-Gvern – il-Labour għadu ma wettaqhomx. Apparti minn hekk huwa tkellem dwar l-1200 charging point li wiegħed il-Gvern ta’ Robert Abela u li minnhom wettaq biss 12%. Mark Anthony fakkar li l-interconnector għadu ma tlestiex. Investiment fil-ħażna tal-enerġija tal-użu ta’ batteriji fuq l-art, sar biss tender filwaqt li l-proġett għadu ma sarx. Fakkar ukoll kif l-Gvern Laburista kien wiegħed ukoll investiment qawwi fis-settur tad-distribuzzjoni tal-elettriku iżda fir-realta l-poplu kellu jqatta’ sjuf sħaħ ibati s-sħana mingħajr elettriku.

Min-naħa tagħha, Anabelle Cilia, tenniet li l-PN qed joffri nifs ġdid u direzzjoni ċara ta’ fejn irid jieħu lill-pajjiżna. Qalet li Malta ma titkejjilx biss mill-ekonomija iżda mill-kwalita ta’ ħajja aħjar tan-nies, ambjent nadif u servizzi li jaħdmu.Anabelle temmet tisħaq li pajjiżna jeħtieġ futur li jagħti tama reali.