Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat li t-terminazzjoni tal-kuntratt mill-Kunsill Lokali Laburista tar-Rabat kienet illegali u mhux ġustifikata, u għalhekk kumpanija Synthesis Management Services Limited kellha tiġi mħallsa għall-valur kollu tas-servizzi li kienet tkun għadha intitolata għalihom taħt il-kuntratt. Għaldaqstant il-Kunsill Lokali tar-Rabat kien ordnat iħallas €25,055.96 wara li ma onorax kuntratt.
Din il-konklużjoni waslet wara li l-Qorti sabet li l-Kunsill ma pprova la ksur serju tal-kuntratt u lanqas raġuni valida li tista’ ssostni terminazzjoni qabel iż-żmien, filwaqt li anke l-proċedura kuntrattwali ma ġietx segwita kif meħtieġ.
Għalkemm il-Kunsill ipprova juri li kien hemm problemi fil-mod kif is-soċjetà kienet qed topera, inkluż allegazzjonijiet ta’ tensjonijiet mal-ħaddiema u diffikultajiet fis-superviżjoni, il-Qorti qieset li dawn ma kinux ippruvati b’mod sodisfaċenti u ma laħqux il-livell ta’ ksur gravi li jiġġustifika terminazzjoni unilaterali.
Il-Qorti wkoll ċaħdet l-argument li l-kumpens kellu jiġi limitat biss għal telf effettiv jew profitt strettament ippruvat, u kkonfermat li f’każ ta’ terminazzjoni inġusta, il-parti li sofriet il-ksur għandha tiġi rrikompensata skont il-valur kuntrattwali li kienet tkun għadha tirċievi.
B’hekk, il-Qorti kkonkludiet li l-azzjoni tal-Kunsill kienet mgħaġġla u nieqsa minn bażi legali soda, u kkonfermat id-deċiżjoni favur is-soċjetà appellata. Din is-sentenza tal-Qorti tal-Appell tikkonċerna appell imressaq mill-Kunsill Lokali tar-Rabat kontra deċiżjoni tal-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili li kienet tat raġun lis-soċjetà Synthesis Management Services Limited.
Il-każ għandu l-oriġini tiegħu f’kuntratt pubbliku tal-2018 għall-provvista ta’ servizzi ta’ “Contracts Manager”, li taħtu s-soċjetà kienet qed taqdi funzjonijiet ta’ superviżjoni u amministrazzjoni ta’ kuntratti għall-Kunsill, permezz tar-rappreżentant tagħha, Raphael Carabott. Fl-2021, il-Kunsill Lokali, rappreżentat mis-Sindku Sandro Craus u s-Segretarju Eżekuttiv Anthony Bonello, ħareġ żewġ “default notices” u sussegwentement ittermina l-kuntratt b’mod immedjat.
Dan allegatament fuq il-bażi ta’ nuqqasijiet fil-prestazzjoni u diffikultajiet relazzjonali fuq il-post tax-xogħol, inkluż rapporti attribwiti lil Paul Tanti. Is-soċjetà kkontestat kemm il-mertu ta’ dawn l-allegazzjonijiet kif ukoll il-mod kif saret it-terminazzjoni, billi sostniet li ma ngħatatx notifika valida u li ma kisritx l-obbligi kuntrattwali tagħha.
L-Ewwel Qorti laqgħet it-talbiet tas-soċjetà u ddikjarat li t-terminazzjoni kienet abbużiva u illegali, kemm għaliex ma saritx skont il-proċeduri pattwiti fil-kuntratt kif ukoll għaliex ma kienx hemm prova ta’ inadempjenza.
Barra minn hekk, sabet lill-Kunsill responsabbli għad-danni u likwidathom fl-ammont ta’ €25,055.96 flimkien ma’ imgħax. Il-Kunsill Lokali appella minn din id-deċiżjoni, billi qajjem diversi aggravji relatati mal-apprezzament tal-provi, l-allegat ksur tal-kuntratt, l-applikazzjoni ta’ prinċipji legali dwar inadempjenza, u l-kalkolu tad-danni. Madankollu l-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Robert G. Mangion u Simone Grech ikkonfermaw is-sentenza tal-ewwel stanza.
//= $special ?>

