Lokali

Il-Labour mhux jitwemmen fuq l-ewwel proposti li ħabbar għall-Manifest Elettorali

“Kieku l-Labour m’ilux 13-il sena fil-Gvern forsi nistgħu nemmnuh; imma issa ndunajna li bejn dak li jgħid u dak li jwettaq hemm baħar jaqsam.”

Dan kien biss wieħed minn bosta kummenti li kitbu n-nies – taħt post tal-MEP Daniel Attard – b’reazzjoni għall-ewwel proposti li ħabbar il-Mexxej Laburista Robert Abela t-Tlieta filgħodu. B’ħafna jisħqu kif il-Labour mhux jitwemmen bl-aħħar proposti li ħabbar.

Ħafna sostnew ukoll kif il-persuni single, familji bla tfal, pensjonanti, kif ukoll is-self employed qed jiġu minsija, speċjalment meta l-Gvern b’ħafna pompa qal li l-aħħar Budget kien l-aqwa wieħed fl-istorja għall-familji.

Oħrajn saħqu kif illum il-ġurnata hija ferm diffiċli biex tlaħħaq mal-ħajja, speċjalment meta familji zgħar qed jbatu biex jixtri l-ewwel post tad-dar tagħhom u biex jrabbi l-familja tagħhom.

Ħafna saħqu ukoll kif proposta bħal din hija daħka fil-wiċċ, u kif jittammaw li dawn mhumiex sempliċiment proposti għax issa wasslet l-elezzjoni.

Intant, kien hemm min qal ukoll illi l-proposta tal-Partit Laburista li jagħti €5,000 għal kull tifel u tifla hija miżura li kien pproponieha l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar budget.

Fil-fatt, kien Alex Borg illi ħabbar il-proposta taċ-Child Trust Fund, fejn għal kull wild se jingħata €5,000 li minn dawn il-fondi jistgħu jakkumulaw maż-żmien – u jitilgħu anke sa €20,000. Il-PN qed jipproponi li dawn il-fondi jistgħu jintużaw biex iż-żgħażagħ javvanzaw fl-istudji tagħhom, jibnu l-ewwel negozju, jew ankè jgħinu jixtru l-ewwel post tad-dar tagħhom.