Lokali

Inkwiet fost in-negozji dwar l-isplużjoni fil-popolazzjoni

Il-maġġoranza tan-negozji jemmnu li l-Gvern qiegħed imexxi lil pajjiżna fid-direzzjoni l-ħażina – bl-ikbar issues jkunu l-overpopulation, in-nuqqas ta’ governanza tajba, l-korruzzjon, u ż-żieda fil-prezzijiet

Dan ħareġ ċar minn stħarriġ li ħareġ fl-ewwel kwart tas-sena mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, fejn irriżulta li l-akbar problemi li qed isibu s-sidien tal-ħwienet b’rabta man-negozju tagħhom huma n-nuqqas ta’ ħaddiema, il-kompetizzjoni inġusta, it-traffiku u ż-żieda fil-prezzijiet. Bi kważi 60% tan-negozji jgħidu li pajjiżna sejjer fid-direzzjoni żbaljata.

Intant, mill-istħarriġ ħareġ li l-aktar li hu ta’ inkwiet fuq moħħ in-negozji hija fuq kollox iż-żieda fil-popolazzjoni 

Filfatt, 38 fil-mija qalu li l-akbar issue li għandu l-pajjiż tkun iż-żieda eżorbitanti fil-popolazzjoni – waqt li 32 fil-mija jemmnu li l-akbar kwistjoni li għandu l-pajjiż hi l-livell ta’ governanza tajba u biex l-affarjiet isiru kif suppost.

Apparti min hekk, 25 fil-mija jemmnu li l-akbar kwistjoni li għandu l-pajjiż hija l-inflazzjoni u ż-żieda li dejjem qed tiżdied fil-prezzijiet.

Dan fost issues oħra li qamu f’dan l-istħarriġ annwali li sar mic-Chamber of SMEs – fosthom il-kwalita tal-ħajja u l-impatti ambjentali.