John Stones ħabbar li se jħalli lil Manchester City fi tmiem l-istaġun. Din l-aħbar issegwi dik ta’ ftit jiem wara li Bernardo Silva għażel ukoll li jħalli lir-rebbieħa tal-aħħar kampjonat Ingliż fi tmiem il-kuntratt tiegħu.
F’dan l-istaġun, Stones falla diversi logħbiet minħabba li kien imweġġa’ b’konsegwenza li beda biss erba’ darbiet fil-Premier League f’dan il-kampjonat. Madankollu dan l-istaġun mhux se jtappan l-esperjenza sħiħa ma’ Manchester City u se jħalli lill-klabb bħala wieħed mil-leġġendi tiegħu.
Stones kien it-tieni akkwist tal-era Pep Guardiola. Hu kien ingħaqad ma’ City mingħand Everton fis-sajf tal-2016 għal madwar €50 miljun. Tul dawn is-snin, id-difensur Ingliż rebaħ 19-il unur maġġuri fosthom sitt darbiet il-Premier League, il-UEFA Champions League, darbtejn l-FA Cup u ħames darbiet il-League Cup. Jispikka fost l-oħrajn l-istaġun 2022/23 li fih Manchester City kisbu t-tripletta.
Din l-aħbar tfisser li Stones u Silva żdiedu mal-lista ta’ plejers leġġendi tal-klabb li ħallew lit-tim fl-aħħar snin wara li Kevin de Bruyne, Kyle Walker u Ederson telqu s-sajf li għadda. Għalkemm Manchester City investew ħafna fl-aħħar opportunitajiet ta’ trasferimenti li kellhom, hu mistenni li dan is-sajf ikunu attivi biex isibu sostituti denji ta’ Stones u Silva.
//= $special ?>

