Il-kampanja elettorali bdiet fuq sieq ħażina ferm għal Robert Abela, hekk kif kompla jiżdied il-ġlied intern fil-Partit Laburista. B’nies fis-Sitt Distrett jheddu li ma jridux jivvutaw għaliex Galdes ma ġiex approvat bħala kandidat.
Pubblikament, kiteb anke l-canvaser ewlieni ta’ Roderick Galdes, Jeremy Portelli, li fetaħ il-kanuni fuq Silvio Schembri. U akkużah li l-Eżekuttiv ħalliħ jivvota kontra Galdes – bir-riżultat li kellu anke jissejjaħ recount – u eventwalment l-Eżekuttiv tal-Labour ma approvahx.
Din id-deċiżjoni ħolqot rabja kbira fost il-partitarji Qriema. U ħafna, ilbieraħ bil-lejl bdew jiktbu “il-vot fil-kexxun se jibqa'”.

Dan il-messaġġ li kiteb Roderick Galdes fuq il-media soċjali
Wara li ssottomettejt ruħi għal skrutinju u ġejt approvat b’mod unanimu mill-Kummissjoni tal-Kandidati tal-Partit Laburista, kif ukoll b’ mod unanimu mill-amministrazzjoni tal-Partit, sfortunatament ma ġejtx approvat mill-Eżekuttiv Nazzjonali wara vot li spiċċa 18 favur u 18 kontra, li wassal għal recount.
Nemmen li kont vittma ta’ azzjoni kkoordinata minn grupp politiku li kellu l-għan li, wara 32 sena servizz u ħidma b’risq il-pajjiż u l-Partit, jipprova jċajpar ismi u jagħmel assassinju tal-karattru tiegħi permezz ta’ konġetturi u akkużi foloz, li dwarhom m’hemm ebda prova u li qatt ma ġew sostnuti. Kien hemm min kellu interess li jneħħini biex jagħmel spazju għal ħaddieħor, mingħajr ma tingħata l-kelma lill-elettorat.
Kont lest li nkompli naqdi u nservi, wara snin twal ta’ esperjenza fil-politika, għax in-nies u l-pajjiż dejjem kienu għal qalbi.
Nirringrazzja minn qalbi lil dawk kollha li dejjem kienu miegħi u wrewli s-sapport tagħhom. Lil ħuti l-Qriema li dejjem eleġġewni f’kull elezzjoni u baqgħu jinkoraġġuni sal-lum, lil-Luqin li laqgħuni fosthom u offrewli appoġġ kontinwu, kif ukoll lis-Siġġiewin li dejjem sibtom ta’ sostenn fil-lokalità tagħhom. Grazzi talli kontu hemm u tajtuni l-opportunità nirrapreżentakom. Kont magħkom u bqajt tagħkom sa mill-ewwel ġurnata li eleġġejtuni.
Inħares lura b’kburija lejn dak li rnexxieli nwettaq fil-ħidma tiegħi — proġetti, riformi soċjali kbar u inizjattivi li għadhom jissemmew sal-lum. Għalkemm imweġġa bid-deċiżjoni, il-prinċipji tiegħi jibqgħu dejjem sodi għall-ġejjieni.
Hemm bżonn riflessjoni serja dwar kif qed nattiraw u nappoġġjaw nies li jkunu lesti jagħmlu s-sagrifiċċju tal-politika llum, speċjalment f’ambjent fejn il-mezzi soċjali qed jintużaw biex jinxterdu akkużi bla bażi, mingħajr il-bilanċ ta’ mezzi legali adegwati li jiggarantixxu ġustizzja xierqa.
//= $special ?>

