Lokali

Abela ma jħabbar l-ebda proposta ġdida fl-ewwel indirizz li għamel lill-partitarji tiegħu

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Fl-ewwel diskors tiegħu waqt l-ewwel attività politika tal-elezzjoni ġenerali bikrijja, Robert Abela ma ħabbar l-ebda proposta ġdida.

F’diskors ta’ kważi għoxrin minuta, Abela għażel li ma jħabbarx aktar proposti – anzi baqa’ jinki li se jkun qed iħabbar aktar fil-ġranet li ġejjin. U kompla jinsisti dwar il-kobor tal-ekonomija mingħajr ma ndirizza kif se jkun qed jindirizza l-isplużjoni fil-popolazzjoni, il-waiting lists fl-Isptarijiet fost problemi oħrajn.

Madanakollu, fl-isfond tal-problemi interni li qed iħabbat wiċċu magħhom Robert Abela, surrealment, fl-ewwel diskors li għamel quddiem il-partitarji tiegħu huwa baqa’ jiftaħar bl-istabbiltà. Stabbiltà li jidher li mhux ir-realta tal-Partit Laburista hekk kif fl-aħħar jiem kellu żewġ eks Ministri li nsistew li huma vittma ta’ attakki.

Fil-fatt, propju ftit minuti wara li Abela ħabbar l-elezzjoni ġenerali, Roderick Galdes tqaċċat mil-lista ta’ kandidati tal-Partit Laburista wara vot tal-eżekuttiv nazzjonali Laburista. F’dak li huwa sejjaħ “attakk” minn dawk fil-Partit Laburista li riedu jtajjrulu rasu biex jagħmlu spazju għal ħaddiehor. B’Galdes saħanistra iressaq ilment formali mat-tmexxija tal-Labour sabiex jegħleb din id-deċiżjoni.

Wieħed irid ifakkar li l-ewwel kien Clayton Bartolo illi lejliet it-tħabbira tal-elezzjoni, spjega li se toħroġ storja fuqu u fuq martu Amanda Muscat. B’hekk mhux ħa jikkontesta l-elezzjoni ġenerali, b’sorsi li tkellmu ma’ Net News jispjegaw li saru numru ta’ manuvri mill-Ministru Jonathan Attard sabiex Bartolo ma jikkontestax. Hekk kif dawn jikkontestaw l-istess distrett.