Manchester United huma dejjem eqreb lejn kwalifikazzjoni u ritorn fil-UEFA Champions League, tal-istaġun li ġej. Fl-uniku partita li kelna l-bieraħ filgħaxija mill-Premier League Ingliż, ir-Red Devils għelbu lil Brentford 2-1.
Wara 11-il minuta logħob, minn azzjoni li bdiet minn korner, Casemiro xeħet fix-xibka avversarja għall-ewwel gowl tal-partita u li ta saħħa lil Manchester United. Żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, Bruno Fernandes għadda tajjeb lejn Benjamin Sesko, b’dan tal-aħħar ikkonkluda tajjeb wara l-goalkeeper avversarji għal skor ta’ 2-0. Qabel tmiem il-partita, Brentford irnexxilhom jiskorjaw gowl ta’ konsolazzjoni meta fis-87 minuta, Mathias Jensen venven xutt sabiħ mid-distanza għal skor finali ta’ 2-1 favur Manchester United.
Fl-Italja, Cagliari jaħsdu lil Atalanta u Lazio jwaqqgħu l-punti
Fl-Italja, Cagliari kisbu tliet punti importanti, fil-mira tagħhom biex jevitaw ir-relegazzjoni mis-Serie A, meta għelbu lil Atalanta 3-2. Għall-iskwadra mmexxija minn Raffaele Palladino, din kienet daqqa ta’ ħarta, hekk kif qed jittamaw li fl-aħħar partiti tal-Kampjonat, jiksbu punti biżżejjed biex jikkwalifikaw għal post fl-Ewropa l-istaġun li ġej.

Cagliari kellhom bidu qawwi meta sal-ewwel tmien minuti, iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena mis-Senegal, Paul Mendy skorja darbtejn biex ta lit-tim tiegħu vantaġġ doppju bikri. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Atalanta fi spazju ta’ ħames minuti skorjaw darbtejn grazzi għal doppjeta ta’ Gianluca Scamacca. Żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Cagliari reġgħu marru minn fuq, b’konkluzzjoni bil-lemin ta’ Gennaro Borrelli. Dan il-vantaġġ inżamm sal-aħħar mill-iskwadra taħt il-gwida teknika ta’ Fabio Pisacane, biex b’hekk Cagliari kisbu d-disa’ rebħa tal-Kampjonat.
Fil-konfront tal-bieraħ filgħaxija, l-aħħar wieħed mill-34 ġurnata tas-Serie A, kelna sitt gowls skorjati fil-konfront bejn Lazio u Udinese. Huma temmew fi draw ta’ 3-3, bil-Biancocelesti kienu qed jittamaw li minn dan il-konfront jirbħu t-tliet punti.
Wara 18-il minuta logħob, Udinese fetħu l-iskor b’konkluzzjoni mill-viċin ta’ Kingsley Ehizibue. Fit-tieni taqsima, Luca Pellegrini skorja l-gowl tad-draw għal Lazio b’xutt sabiħ minn barra ‘l kaxxa. Għaxar minuti mid-90 minuta, Pedro skorja l-gowl tal-vantaġġ għal Laazio. Sitt minuti wara, Arthur Atta b’xutt minn ġewwa ‘l kaxxa l-kbira, skorja l-gowl tad-draw għal Udinese.
Atta reġa’ kien il-protagonist ta’ Udinese meta b’tliet minuti fuq il-ħin mogħti żejjed mir-referee skorja l-gowl li ta vantaġġ momentarju ta’ 3-2 għal Udinese. Il-logħba kienet għadha ma spiċċatx għalkiex żewġ minuti wara, Lazio salvaw punt minn din il-logħba b’gowl ta’ Daniel Maldini għal skor finali ta’ 3-3.
//= $special ?>

