“Nifs Ġdid ma jfissirx li ser inreġġgħu l-arloġġ lura…imma li nibnu fuq it-tajjeb u nagħtu n-nifs li l-poplu Malti u Għawdxi huwa għatxan għalih”
Saħaq dan il-Kap tal-PN Alex Borg f’konferenza tal-aħbarjiet, propju fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali – Liema kampanja elettorali ser tkun waħda pożittiva, enerġetika u li tati tama lill-poplu li jista’ jkollu Prim Ministru ġdid li jġib dejjem lil Malta l-ewwel.
Intant Alex Borg beda billi spjega is-slogan tal-Partit Nazzjonalista għal din il-kampanja elettorali; Nifs Ġdid – sens ta’ viżjoni ġdida. Alex Borg kompla li l-PN fil-Gvern ser ikun qed jibni fuq it-tajjeb li sar peró issa hemm bżonn direzzjoni ġdida.
B’Alex Borg jisħaq li pajjiżna għandu bżonn nifs ġdid sabiex nagħtu mod ġdid ta’ kif jitkejjel is-suċċess, mibni fuq il-kwalitá u l-impatt li din tħalli fuq il-familji – tant li saħaq li l-ekonomija għandha tkun mezz ta’ kif ittejjeb il-kwalitá tal-ħajja; b’pagi li jservu, ċertezza lin-negozji, tama liż-żgħażagħ u dinjitá lill-anzjani fost l-oħrajn.
Alex Borg kompla jispjega li Nifs Ġdid ma jfissirx li ser ikun qed idur l-arloġġ lura – però li jinzamm dak li qed jaħdem u jinbidel dak li hemm bżonn għal Maltin u Għawdxin kolla – mhux mudell li jġib aktar stress, traffiku u domanda fuq l-infrastruttura – imma mudell ekonomiku li jkompli jsaħħaħ il-produttivita, it-teknoloġija, il-ħiliet u l-innovazzjoni. B’setturi ekonomiċi ġodda li jservu għall-ġenerazzjonijiet li ġejin.
Il-Kap tal-PN saħaq li nifs ġdid ifisser fuq kollox tmexxija ġdida – b’Alex Borg jaċċena li Malta għandha bżonn gvern li jgħix kuljum man-nies; Gvern li jifhem u jwettaq. Hu wiegħed ukoll tmexxija li tirrispetta l-poplu, flusu u d-dinjitá tiegħu.
Apparti minn hekk Alex Borg saħaq li din ser tkun kampanja ta’ Malta u Għawdex – mibnija fuq l-għaqda fost il-poplu. Filwaqt li qal ukoll li l-bieb tal-PN huwa miftuħ għal kulħadd; dawk li kienu dejjem miegħu, dawk li qatt ma vvutaw lill-Partit Nazzjonalista u dawk li ħassewhom imbiegħda mill-politika.
B’Alex Borg jgħid li din il-kampanja pożittiva ser tkun qed tassigura serħan il-moħħ – serħan il-moħħ ta’ futur għal min irid jixtri l-ewwel propjeta, ta’ min irid jaħdem u jinvesti… ta’ dawk il-patrijotti li jħobbu lill-pajjiż.
//= $special ?>

