Opinjoni

Opinjoni: Fl-aħjar interess tal-anzjani

Mhux kulħadd għandu l-istess kapaċità jew opportunità biex jimmaniġġjaha flusu b’mod effettiv

Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli,
il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni

Hawn persuna ma tkunx kapaċi timmaniġġja l-finanzi tagħha, issir aktar vulnerabbli għal sfruttament, dejn, u instabbiltà ekonomika. Din il-vulnerabbiltà tidher b’mod partikulari fost l-anzjani, iżda tista’ wkoll toħloq tensjonijiet serji fi ħdan il-familja, speċjalment bejn l-aħwa. Tbatija żejda fost dawk l-aħwa li jħobbu lill ġenituri tagħhom, u ma jifilħux jaraw inġustizzja minħabba r-ras iebsa ta’ xi ħadd mill-aħwa, u/ jew minħabba intenzjonijiet ulterjuri li ma jagħmlu ġieħ lil ħadd. Meta tħobb lil xi ħadd tassew, ma tħallihx waħdu, speċjalment meta jsir vulnerabbli. Allura dawn l-ulied jieħdu fuqhom responsabbiltà kbira: jieħdu ħsieb il-flus, jorganizzaw il-ħajja ta’ kuljum, jipproteġu lill-omm jew lil missier minn żbalji jew minn persuni li jistgħu jieħdu vantaġġ minnhom. Imma dan kollu jiġi bi prezz — stress, għeja emozzjonali, u xi drabi anke nuqqas ta’ apprezzament. Dak li qed jagħmel l-akbar sagrifiċċji jista’ jħossu waħdu jew iġġudikat. Jista’ jkun hemm kliem iebes, suspett, jew akkużi, u dan iweġġa’ aktar għax ġej minn ta’ ġewwa. Dana kollu għax iħossu sens ta’ dover, qed jieħdu ħsieb lil min ħa ħsiebhom qabel. Fl-opinjoni tiegħi dan għandu valur kbir u ta’ min jammirah. Madanakolu biex tieħu ħsieb lil ħaddieħor, trid tibqa’ b’saħħtek int ukoll, u li nkwiet żejjed ma jgħinekx tagħmel dan.
Meta ġenitur anzjan jibda jiddependi fuq wieħed jew aktar minn uliedu, jistgħu jinqalgħu differenzi fl-opinjoni dwar kif għandhom jiġu amministrati l-finanzi tiegħu. Xi aħwa jistgħu jħossu li qed jerfgħu piż akbar minn oħrajn, filwaqt li oħrajn jistgħu jissusspettaw li hemm nuqqas ta’ trasparenza jew saħansitra abbuż. Dan in-nuqqas ta’ qbil jista’ jwassal għal tensjonijiet profondi li jkissru relazzjonijiet familjari li ilhom snin sħaħ.
F’ħafna każijiet, dawn il-kunflitti jinqalgħu minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni ċara u pjanifikazzjoni minn qabel. Jekk il-ġenituri ma jħallux istruzzjonijiet ċari dwar kif iridu li jiġu mmaniġġjati l-finanzi tagħhom meta ma jkunux aktar kapaċi jagħmlu dan huma stess, l-ulied jispiċċaw jagħmlu deċiżjonijiet diffiċli mingħajr gwida. Dan jista’ jwassal għal interpretazzjonijiet differenti tal-aħjar mod kif wieħed għandu jaġixxi, u b’hekk jinħolqu argumenti.
Fir-rigward tal-anzjani, huwa kruċjali li jkun hemm pjan ċar dwar min se jieħu ħsieb il-finanzi tagħhom u kif. Dan jista’ jsir permezz ta’ dokumenti legali bħal power of attorney, li jagħti lil persuna oħra l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet finanzjarji f’isem il-persuna anzjana. Importanti wkoll li dan il-proċess ikun trasparenti u magħruf mill-membri kollha tal-familja, sabiex jitnaqqsu s-suspetti u l-kunflitti. Il-komunikazzjoni bejn l-aħwa hija essenzjali. Minflok ma kull wieħed jaġixxi għal rasu, huwa aħjar li jiltaqgħu u jiddiskutu s-sitwazzjoni b’mod miftuħ u onest. Dan jinkludi li jinqasmu informazzjoni dwar il-kontijiet, l-ispejjeż, u kwalunkwe deċiżjoni li tkun qed tittieħed. Meta kulħadd ikun infurmat, ikun hemm aktar fiduċja u inqas spazju għal kunflitti. Aspett ieħor importanti huwa li wieħed jagħraf is-sinjali ta’ abbuż finanzjarju.
Dawn jistgħu jinkludu bidliet mhux spjegati fil-kontijiet bankarji, nuqqas ta’ flus għal bżonnijiet bażiċi minkejja li hemm dħul, jew bidliet f’daqqa fl-imġiba tal-anzjan. Meta dawn is-sinjali jiġu identifikati kmieni, jista’ jittieħed azzjoni biex tiġi protetta l-persuna vulnerabbli. Il-komunità u l-istituzzjonijiet għandhom ukoll rwol importanti. Servizzi soċjali, banek, u organizzazzjonijiet mhux governattivi jistgħu joffru appoġġ u gwida kemm lill-anzjani kif ukoll lill-familji tagħhom. F’xi każijiet, jistgħu jiġu implimentati sistemi ta’ monitoraġġ jew assistenza biex jiġi żgurat li l-finanzi qed jiġu mmaniġġjati b’mod korrett. Grupp żgħir ta’ anzjani f’Malta m’għandhomx kemm appoġġ tal-familja kif ukoll mezzi finanzjarji biex jaċċessaw mediċini essenzjali u kura bażika. Dawn l-individwi ħafna drabi jaqgħu barra mil-limiti ta’ eliġibbiltà eżistenti u huma f’riskju ta’ deterjorazzjoni rapida tas-saħħa jekk majingħatawx appoġġ. Apprezzajt l-intervent immeddjat tal-AACC fuq bażi ta’ każ b’każ billi tipprovdi aċċess temporanju għal mediċini essenzjali, tikkordina l-kura mal-komunità, timmaniġġja u timmonitorja każijiet individwali, tidentifika soluzzjonijiet aktar fit-tul. Għalkemm dan l-approċċ huwa effettiv, jeħtieġ ħafna riżorsi, u mhuwiex strutturat formalment. Bħalissa m’hemm l-ebda mekkaniżmu formali biex jiġu appoġġjati persuni anzjani li ma jikkwalifikawx immedjatament għall-assistenza soċjali jew kura residenzjali, li m’għandhomx netwerk ta’ appoġġ informali, u li jeħtieġu intervent urġenti u għal żmien qasir biex tiġi evitata deterjorazzjoni.
Dan in-nuqqas iwassal għal inkonsistenzi fil-provvista tas-servizzi, ipoġġi pressjoni fuq ir-riżorsi operattivi, u joħloq inugwaljanzi potenzjali fl-aċċess għal appoġġ essenzjali. Apprezzajt immens li dan is-suġġett ġie diskuss fl-aħħar laqgħa tal-Welfare Committee fejn approva l-istabbiliment ta’ qafas formali ta’ appoġġ interim għal persuni anzjani vulnerabbli mingħajr appoġġ familjari jew mezzi finanzjarji, li jkun amministrat mill-AACC.
Dan jinvolvi l-ħolqien ta’ skema ta’ appoġġ għal perjodu limitat ta’ żmien li permezz tagħha l-AACC tkun tista’ tipprovdi assistenza temporanja għal mediċini essenzjali u kura bażika, għal perjodu definit sakemm tinstab soluzzjoni sostenibbli fit-tul.
Il-qafas ikun ibbażat fuq mudell standardizzat ta’ eliġibbiltà u valutazzjoni, li jqis il-vulnerabbiltà finanzjarja, il-ħtieġa klinika, u n-nuqqas ta’ appoġġ informali, sabiex tiġi żgurata konsistenza u trasparenza fid-deċiżjonijiet. Qed jiġi propost ukoll li jiġi stabbilit baġit dedikat biex jappoġġja dawn l-interventi, u b’hekk tittejjeb ir-responsabbiltà u tonqos id-dipendenza fuq infiq ad hoc.
Fl-istess ħin, jiġu implimentati mekkaniżmi formali ta’ koordinazzjoni bejn l-AACC, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, u s-Servizzi tal-Kura Primarja, sabiex jiġi żgurat li kull każ jiġi mmaniġġjat b’mod effettiv u jiġi mgħoddi għal soluzzjonijiet fit-tul xierqa, inklużi servizzi bbażati fil-komunità, assistenza soċjali, jew kura residenzjali fejn ikun meħtieġ.
Din il-ħidma kollettiva tista’ tipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli u niżguraw li l-flus, li huma mezz biex ngħixu aħjar, ma jsirux sors ta’ tbatija u firda. B’aktar għarfien u sens ta’ responsabbiltà kollettiva, nistgħu nibnu soċjetà fejn kulħadd, inklużi l-anzjani, iħossu sigurtà, u rispett fil-mod kif jiġu mmaniġġjati l-affarijiet finanzjarji tiegħu.
Dan mhux biss isaħħaħ il-fiduċja bejn il-familjari, iżda jikkontribwixxi wkoll ħajja sana għal benesseri akbar fil-komunità.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 26 ta’ April, 2026.