Opinjoni

Opinjoni: Kien wissiena

Konna nisimgħuh u ma konniex nagħtu biżżejjed piż għal dak li kien qiegħed jgħidilna. Smajnih imma ma ħadniex ħsieb nagħtuh ir-raġun. Anzi, kif jiġri, diversi drabi ġie njorat għax dak li kien qiegħed jgħidilna ma kienx idoqq għal widnejna.

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali

  1. F’ħafna kien vuċi fid-deżert politiku u mondjali. Anki dawk stess li kellhom id-dmir li
    jsegwuh, huma wkoll għażlu li jibqgħu pass lura. Biss, illum wara sena mill-mewt tiegħu, wieħed irid iħares lura mill-ġdid u jifhem kemm huwa kellu raġun. Mhux minnu naqas. Semma leħnu mal-irjiħat u mal-irkejjen kollha tad-dinja.

Għaddiet sena

  1. Fil-21 ta’ April tas-sena li għaddiet ġie nieqes il-Papa Franġisku. Ta’ tmienja u tmenin sena ġie msejjaħ lura lejn il-Ħallieq tagħna lkoll. Wara ħajja ta’ ħidma favur il-bniedem, favur dawk li huma l-inqas fis-soċjetà. Wieħed li fil-kariga kkarga ferm iktar il-vuċi tiegħu. Altru tkun Isqof, altru Kardinal u altru Papa. Bergoglio ħa ħsieb jitkellem u jwassal il-messaġġ tiegħu fuq kull livell. Dak spiritwali, dak pastorali u dak politiku. B’kull mezz possibbli. Kull forma ta’ komunikazzjoni li hemm fid-dinja sabiex il-vuċi tas-sewwa tasal fejn għandha tasal.

Enċikliċi

  1. Infakkar fid-diversi enċikliċi li ħa ħsieb li jiġu ppubblikati. Huma f’idejna. Uħud qrajnihom, oħrajn le, imma l-verità hija li għadhom rilevanti sal-lum. Jixraq li jinqraw mill-ġdid proprju għax huma mimlija b’għerf u sustanza. Il-Papa Ljun XIV deher li fehem aktar dan u diġà qiegħed jitlob li fil-Konċistorju li ġej, il-Kardinali jiflu sew l-enċiklika Evangelium Gaudium. Dan sabiex jiġu segwiti l-linji pastorali li huwa indika għalina. Messaġġi ċari, sija fir-rilevanza, kif ukoll li dawn mhumiex parti mill-passat remot, imma mill-preżent attwali. F’dan nibqgħu nifhmu li Franġisku għadu magħna u kliemu huwa ta’ gwida li jesiġu mingħandna li naqrawhom sew. Fortunatament il-Knisja għad għandha l-għerf li ma tagħmilx dak l-iżball li tiskarta u tinsa, imma tagħti piż u rilevanza.

Fid-dinja politika

  1. Il-Papa Franġisku kien vuċi qawwija favur il-paċi fid-dinja. Waħda li tħares fl-istorja u tiddikjara li ma hemmx ġid mill-gwerer. F’dinja li flok qed insolvu l-kunflitti, qed nieħdu ħsieb li nkattruhom. Dawk li l-aktar jippontifikaw favur kemm iġibu t-tmiem, huma dawk li bħalissa qegħdin iżiduhom. Ninsabu f’xenarju internazzjonali fejn kull skuża hija tajba sabiex jintużaw l-armamenti.
    Dawk ta’ kull tip. Li ma tantx jiswew, bħal dawk li l-Ukrajna tuża, jew dawk l-iktar li jiswew, bħal dawk li qed tibgħat l-Istati Uniti. Hemm min jiddefendi u hemm min qiegħed jattakka sew. Hemm min jiddikjara li ser isolvi u hemm min iktar jikkumplika. Il-verità hija li dħalna f’dinja fejn ma hemmx kap jew kuda. Diversi jafu b’dan. Ħafna inkwetati, oħrajn jistennew il-mument opportun biex jintervjenu. Xenarju mill-iktar ikrah, u fil-preżent, kważi permanenti. Ħadd ma jista’ jsib tarf ta’ dak li ninsabu fih.

It-Tielet Gwerra Mondjali

  1. Papa Franġisku kien iddikjara diversi drabi li d-dinja qabdet it-triq għat-Tielet Gwerra Mondjali. Qabel ħafna, jien inkluż, forsi rajnih qiegħed jesaġera. Illum però l-pożizzjoni hija differenti ferm. Bi Presidenti bħal Donald Trump fuq naħa, u Vladimir Putin fuq in-naħa l-oħra jew flimkien miegħu, ma hemmx wisq possibilità li l-affarijiet jinbidlu. Meta taġixxi militarment huwa dejjem perikoluż. Ferm u ferm iktar meta tidħol fil-kunflitt mingħajr ma tifhem il-kuntest u l-konsegwenzi tal-aġir sħiħ tiegħek.
    Tidħol mingħalik li ser issolvi, u minflok, tikkumplika l-affarijiet inti stess. Nibqa’ skantat kemm il-bnedmin idumu biex jifhmu li d-diskors vojt hekk jibqa’: diskors vojt. Iktar minn hekk, dak tar-raġuni u bis-sens, flok imexxuh u jiddependu minnu, jiskartawh.

Ninsabu wieqfa

  1. Bħalissa, u iktar minn qatt qabel, ninsabu wieqfa f’xenarju fejn il-gwerra fl-Iran ma tista’ tissolva b’xejn. Ikun aħjar jekk jieqfu l-messaġġi fuq il-medja soċjali u jingħata spazju lid-diplomazija. Xi żball kbir għandna ftit jistgħu jagħrfu. Dikjarazzjoni li ser tinqered ċiviltà ma tagħmel xejn salv li tiftaħ il-bieb sabiex jitħajru oħrajn li jsegwu. Ħadd m’għandu jilludi ruħu. Is-soluzzjonijiet ser jonqsu u l-kumplikazzjonijiet ser jiżdiedu sew.
    Iktar u iktar meta l-prezzijiet taż-żejt u tal-gass qed jitilgħu u ser jibqgħu jitilgħu. Hija d-daqqa vera li l-poplu Amerikan diġà qiegħed iħoss, u dan, il-Gvern tal-Iran jafu. Huma diġà batew, u m’għandhom l-ebda diffikultà li jgħaddu lill-oħrajn mill-istess tbatija. Proprju għalhekk li d-dinja ser tara l-Istrett ta’ Hormuz iktar magħluq, u miegħu bastimenti wieqfa, jew milquta, jew distrutti. Xenarji xejn sbieħ li qed jassiguraw li l-ħajja tkompli togħla.

Wara dan

  1. F’dan kollu, u waqt li naraw li lanqas il-kunflitt fl-Ukrajna mhu ser jieqaf, nistgħu nifhmu li sejrin lejn perjodu itwal ta’ gwerra u fejn l-armi ser jidħlu biex jippruvaw isolvu dak li ma jistax jiġi solvut. Bdiet triq soda li sakemm ma jkunx hemm bidla fil-mexxejja u fil-mentalità, l-affarijiet hekk ser jibqgħu. Forsi l-elezzjonijiet li ġejjin f’dak il-pajjiż ser jibdlu l-imħuħ. Min jaf jekk tirbaħx ir-raġuni jew tibqax telliefa, vittma tal-ġenn uman. Jekk le, nistgħu biss niftakru f’dak li Franġisku kien qalilna. Kien wissiena sew u ma tajniex kasu. Illum ninsabu fi kliemu.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 26 ta’ April, 2026.