Victor Camilleri
Mela issa pajjiżna jinsab mill-ġdid f’mument delikat fejn hu evidenti li d-data tal-Elezzjoni Ġenerali ma kinitx determinata minn bżonn nazzjonali jew xi kriżi ċara u preċiża iżda pjuttost minn kalkoli politiċi partiġjani.
Dak li seħħ hu ripetizzjoni ta’ mudell li diġà esperenzjajnieh meta l-Prim Ministru Muscat sejjaħ elezzjoni fl-2017, kważi sena qabel żmienha, għaliex ħassu li politikament kien f’mument debboli u mhux għaliex, ġenwinament, hekk kien jaqbel għall-pajjiż.
Il-mandat elettorali hu kuntratt sagru bejn il-poplu u min imexxi. Meta dan il-mandat ikun interrott qabel iż-żmien mingħajr raġuni ċara u konvinċenti, il-mistoqsija ma tibqax waħda ta’ strateġija politika iżda ssir waħda ta’ etika demokratika.
Hu aċċettabbli li mexxej, għaliex għandu s-setgħa kostituzzjonali, jużaha mingħajr kontabbiltà morali lejn iċ-ċittadin?
Il-prassi li rajna tiżviluppa taħt għajnejna – dik li l-Prim Ministru l-ewwel jikkummenta, jiżżufjetta, jinkwieta liċ-ċittadini u n-nies fin-negozju billi jċajpar id-data tal-elezzjoni, u mbagħad f’daqqa waħda jsejjaħha – toħloq klima ta’ inċertezza u ċiniżmu. Elezzjoni mhix kwistjoni biss ta’ meta iżda wkoll, anzi aktar, għaliex u għal min.
Dan iwassal għal konklużjoni waħda ċara: jekk il-meta tal-elezzjoni ssir għodda ta’ konvenjenza, id-demokrazija tkun tilfet parti sostanzjali mill-integrità tagħha.
Il-paragun ma’ sitwazzjonijiet preċedenti hu inevitabbli. Meta mexxejja jħossuhom mhedda politikament jew moralment, l-aktar reazzjoni komuni hi li jmorru għand il-poplu qabel ma l-mewġa ddur waħda sew. Dan iżda ma jfissirx li hu ġustifikat. Anzi ċertament ifisser l-oppost … li l-elezzjoni qed tintuża bħala mezz ta’ difiża u mhux bħala mezz ta’ tiġdid.
F’dan il-kuntest, il-mistoqsija fundamentali tibqa’: x’tip ta’ demokrazija rridu? Waħda fejn il-poplu jiddeċiedi fuq ċiklu stabbilit u rispettat, jew waħda fejn il-meta tkun manipulata skont il-bżonnijiet politiċi partiġjani tal-mument?
Minkejja dan kollu jien ċert li quddiem din is-sitwazzjoni, il-Partit Nazzjonalista bit-tmexxija dinamika ta’ ALEX BORG mhux se jħalli azzjonijiet bħal dawn tal-Prim Ministru jintimidawh. Dan hu sempliċiment bullying politiku u żgur li flok ma jaqta’ qalb il-Maltin ta’ rieda tajba dan se jqawwi r-rieda u d-determinazzjoni tagħhom biex lil pajjiżna jagħtuh nifs ġdid imsejjes fuq il-ġenwinità u mhux fuq opportuniżmu egoistiku.
Inħarsu ’l quddiem, inxammru l-kmiem, u naġixxu.
Meta elezzjoni ssir strateġija, l-elettorat isir pedina
Sa meta setgħet tissejjaħ l-Elezzjoni?
Ħafna jistaqsu din il-mistoqsija u spiss ma jingħatawx tweġiba ċara u mingħajr tidwir.
Il-Kostituzzjoni titkellem ċar li l-Parlament jista’ jibqa’ jiffunzjona “għal ħames snin mill-ewwel seduta tiegħu”.
L-ewwel seduta tal-Parlament f’din il-leġiżlatura kienet saret nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju 2022 u dan ifisser li l-elezzjoni li jmiss setgħet issir sal-Ġimgħa, 7 ta’ Mejju, 2027.
Jigifieri Robert Abela sejjaħ elezzjoni ftit inqas minn sena qabel żmienha.
Punti li ma jistgħux ikunu injorati
Il-mandat ta’ ħames snin mhuwiex suġġeriment – hu wegħda lill-poplu
Elezzjoni kmieni mingħajr kriżi jew xi raġuni valida ċara tfisser li l-interessi politiċi partiġjani qed jipprevalu fuq dawk nazzjonali.
Il-poplu għandu dritt jaf għaliex qed jintalab jivvota mill-ġdid
Il-Kostituzzjoni tippermetti… iżda hi l-etika li għandha tipprevali
Preċedenti bħal dawn joħolqu normi perikolużi għall-futur
Il-fiduċja pubblika ma tistax tinbena fuq kalkoli politiċi
Demokrazija b’saħħitha titlob trasparenza mhux sorpriżi
Xi tgħid il-Kostituzzjoni dwar it-tul tal-leġiżlatura
“…il-Parlament, jekk ma jkunx xolt aktar kmieni, għandu jkompli għal ħames snin mid-data tal-ewwel seduta tiegħu wara xi xoljiment u għandu, wara dan, ixolji”
Il-Kostituzzjoni ta’ Malta, Artiklu 76 (2)
Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tistabbilixxi b’mod ċar li l-mandat parlamentari għandu jdum ħames snin – dan bħala prinċipju ta‘ stabbiltà demokratika. Madankollu, il-kliem “jekk ma jkunx xolt qabel” jagħtu poter diskrezzjonali lill-Prim Ministru biex jirrakkomanda x-xoljiment qabel iż-żmien.
Hawnhekk tinsab il-qalba tal-argument: dak li hu legalment permess mhux neċessarjament hu moralment ġustifikat. Il-Kostituzzjoni tippermetti flessibbiltà għal sitwazzjonijiet straordinarji – bħal kriżijiet politiċi (kif ġieli kellna) jew telf ta’ maġġoranza (li ġieli kellna wkoll) – iżda meta din il-klawsola tintuża għal skopijiet ta’ konvenjenza politika, jinħolqu tensjonijiet u kunflitti bejn il-liġi u l-etika. Fil-kuntest ta’ dak li ġara taħt għajnejna, il-mistoqsija mhijiex jekk il-Prim Ministru setax isejjaħ elezzjoni kmieni… għaliex, kif qed ngħidu, jista’. L-argument bażiku f’din is-sitwazzjoni hu jekk għandux jagħmel dan mingħajr raġuni ġustifikata li tmiss l-interess nazzjonali.
Il-poplu għandu dritt jgħaddi ġudizzju jekk dan li qed iseħħ huwiex eżerċizzju leġittimu ta’ poter jew abbuż assolutament mhux sottili tiegħu.
Mandat interrott qabel il-waqt hu fiduċja mfarrka….
Is-setgħa legali ma tfissirx ġustifikazzjoni morali
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 28 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

