PSG u Bayern Munich taw spettaklu fil-Parc des Princes fl-ewwel logħba minn tnejn mis-semifinali tal-UEFA Champions League. Iċ-champions Ewropej rebħu l-logħba 5-4 f’konfront li fih l-attakkanti taż-żewġ timijiet taw x’jagħmlu lid-difiżi rispettivi u fl-istess waqt urew li għandhom il-kwalità li mhux biss jgħaddu għall-finali iżda li jirbħu l-kompetizzjoni.
Bayern Munich fetħu l-iskor fis-17-il minuta meta ngħataw penalty wara kuntatt fil-kaxxa bejn id-difensur ta’ PSG Willian Pacho u l-attakkant ta’ Bayern Luis Dias. Inkariga ruħu HARRY KANE li bagħat lil Matvey Safonov naħa u l-ballun naħa oħra għal 1-0.
Opportunità oħra għal Bayern żewġ minuti wara. Michael Olise ġie żmarkat minn Kane u minn qagħda xxuttja iżda Safonov blokka tajjeb fil-ħin qabel Marquinhos biegħed il-periklu kważi minn fuq il-linja.
Risposta minn Paris Saint Germain fit-23 minuta fallew okkażjoni tajba wara li Ousmane Dembele xeħet barra minn qagħda ideali. Madankollu minuta wara l-iskor sar 1-1. KHVICHA KVARATSKHELIA rċieva passaġġ vertikali fuq il-linja xellugija, daħal fil-kaxxa u ġibed fuq il-lemin qabel għeleb lil Manuel Neuer b’konklużjoni fil-baxx u għar-rokna.
Il-logħob kompla fuq iż-żewġ naħat u wara li Olise resaq qrib b’azzjoni personali, bil-ballun spiċċa ħabat mal-wieqfa. PSG marru fil-vantaġġ fit-33 minuta b’korner ta’ Dembele fuq l-ewwel lasta sab lil JOAO NEVES li daħal tajjeb u b’daqqa ta’ ras għar-rokna għeleb lil Neuer. Ċans ieħor għal PSG erba’ minuti wara b’xutt fil-baxx ta’ Desire Douè li għadda ftit barra.
Bayern għamlu l-iskor indaqs fil-41 minuta. MICHAEL OLISE għadda qalb id-difiża avversarja minn pożizzjoni ċentrali u b’xutt b’saħħtu għeleb lil Safonov li seta’ biss imiss il-ballun. L-ewwel taqsima kienet għadha ma spiċċatx u PSG ingħataw penalty ftit kontroversjali. Kross ta’ Dembele deher jaħbat ma’ id Alphonso Davies fil-kaxxa.
Ir-referee Żvizzeru Sandro Schaerer ikkonsulta mal-VAR u għalkemm il-ballun ħabat ma’ sieq id-difensur qabel ħabat ma’ idu, għażel li jordna penalty. Mill-11-il metru OUSMANE DEMBELE għeleb lil Neuer b’xutt għar-rokna.
It-tieni taqsima kompliet fuq l-istess ritmu iżda b’PSG superjuri. L-iskor sar 4-2 fis-56 minuta b’azzjoni fuq il-lemin ta’ Achraf Hakimi u bi kross fil-baxx sab lil KHVICHA KVARATSKHELIA li għeleb għal darba oħra lil Neuer b’xutt fil-baxx.
Tliet minuti wara u wasal ukoll il-ħames gowl. Reġa’ kien OUSMANE DEMBELE li minn kontrattakk, irċieva mingħand Douè u b’xutt fil-baxx fuq l-ewwel lasta ħalla lil Neuer iħares, bil-ballun ħabat mal-wieqfa qabel daħal fix-xibka.
Reazzjoni minn Bayern li naqqsu d-distakk fil-65 minuta. Minn free-kick mix-xellug ta’ Joshua Kimmich, id-difensur DAYOT UPAMECANO għola tajjeb u skorja b’daqqa ta’ ras. U erba’ minuti wara, Bayern saħansitra naqqsu d-distakk għal 5-4. Ballun fit-tul ta’ Kane lejn LUIS DIAS li għeleb in-nasba tal-offside, u b’kontroll u finta tajba, għamel spazju għalih innifsu u skorja b’xutt għar-rokna.
Fl-aħħar 20 minuta, il-logħba naqqset ftit mir-ritmu iżda Bayern kienu l-aktar tim avventuruż. Madankollu PSG kienu qrib is-sitt gowl qrib id-90 minuta b’xutt tas-sostitut Senny Mayulu li ħabat mal-lasta. Fl-aħħar sekondi, Pacho biegħed il-periklu kważi minn fuq il-linja wara daqqa ta’ ras ta’ Kimmich.
//= $special ?>

