Lokali Qorti

Pulizija liberat minn akkużi ta’ ġrieħi waqt arrest

Pulizija ta’ 41 sena, Alan Joseph Abela, ġie lliberat mill-Qorti minn akkużi li kkaġuna ġrieħi ħfief lil suspettat waqt arrest li seħħ fl-24 ta’ Awwissu 2024. Il-każ kien ibbażat fuq allegazzjonijiet minn Nathan Camilleri, ta’ 27 sena, li sostna li ġie aggredit mill-uffiċjal waqt l-arrest. L-akkużi kontra Abela kienu aggravati minħabba r-rwol tiegħu bħala uffiċjal pubbliku.

Fil-proċeduri, is-Supretendent Mario Haber u l-Ispettur Eman Hayman xehdu li l-investigazzjoni kienet ibbażata fuq xhieda u filmati minn CCTV u bodycams, li wrew lil Camilleri jaġixxi b’mod aggressiv waqt l-inċident.

Il-Qorti nnutat li minkejja l-imġiba aggressiva tas-suspettat, ma kien hemm l-ebda prova ċara u konklussiva li Abela kkaġuna l-ġrieħi allegati. Għalhekk, l-element essenzjali tar-reat ma ġiex ippruvat u l-uffiċjal instab mhux ħati.

Is-sentenza ngħatat mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace. Fl-istess sena, Camilleri kien instab ħati li attakka lill-istess uffiċjal u ngħata sentenza effettiva ta’ disa’ xhur ħabs flimkien ma’ multa ta’ €1,000, kif ukoll piena addizzjonali ta’ 24 xahar minħabba li wettaq ir-reat waqt perjodu ta’ sentenza sospiża.