Lokali

Roderick Galdes jispiċċa mormi: Abela jfarfar id-deċiżjoni fuq l-Eżekuttiv

Ritratt: Martin Agius

L-Eżekuttiv tal-Labour ma jridx lil Galdes wara li Abela għamel xhur jiddefendih

Fl-ewwel jum tal-Kampanja għall-elezzjoni ġenerali bikrija, spikka in-nuqqas ta’ qbil li hemm fit-tmexxija tal-Partit Laburista – mill-Presidenza, sal-Eżekuttiv.

Dan wara li fl-aħħar sigħat sar magħruf li d-Deputat Laburista Roderick Galdes, eks Sindku, Segretarju Parlamentari u Ministru – ma tħalliex mill-Eżekuttiv tal-Partit Laburista jikkontesta l-elezzjoni; minkejja li fix-xhur li għaddew Galdes kien wieħed mill-favoriti ta’ Robert Abela, tant li baqa’ jiddefendih sal-aħħar.

Minkejja kollox jidher li l-Mexxej Laburista, kellu jbaxxi rasu għar-rieda tal-Eżekuttiv li huwa evidenti li mhux jaqbel mal-opinjoni tal-Mexxej tal-Labour.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ta’ Qali, il-ġurnalisti staqsew lil Abela dwar ir-raġuni għalfejn sejjaħ elezzjoni sena qabel – minkejja li l-Mexxej Laburista nnifsu beda jiċħad li ġejja elezzjoni. U miegħu, id-Deputat Mexxej Laburista Alex Agius Saliba illi sostna li ma kienx hemm urġenza.

Robert Abela minn naħa tiegħu sostna li sejjaħha minħabba t-turbolenzi ġeopolitiċi; raġuni li sa jumejn ilu biss, il-President tal-Labour Alex Sciberras sostna li din l-iskuża hija immatura u mhux responsabbli.

Finalment, fl-aħħar jiem ħareġ ċar li b’rabta mal-proġett tat-trasport tal-massa, Malta in Motion, imbuttat mill-Ministru Chris Bonett, il-Ministru Clyde Caruana għadu mhux konvint. U filwaqt li Robert Abela qal li l-Labour iwiegħed dak li huwa fattibbli biss…fl-istess nifs insista  li kieku kien iwieġeb l-istess bħal Caruana; fi kliem sempliċi, fix-xettiċiżmu.

Kontradizzjonijiet, diżgwid ċar bejn it-tmexxija tal-Partit Laburista – bil-kredibbiltà tal-mexxej tal-Labour qed titnaqqarlu saħansitra minn ġewwa.