Iż-żjara li r-Re Karlu tal-Ingilterra qed jagħmel bħalissa fl-Istati Uniti għandha sinifikat u importanza partikulari fi żmien ta’ tensjoni bla preċedent bejn il-Gvern Britanniku u l-Amministrazzjoni f’Washington.
Din iż-żjara uffiċjali, fil-fatt, hi l-ewwel waħda minn Kap tal-Monarkija Britannika mindu r-Reġina Eliżabetta kienet marret l-Istati Uniti fl-2007.
Intant, hemm stennija kbira għal diskors li se jagħmel Karlu lill-Kungress Amerikan f’Washington….Diskors irrelatat mal-250 anniversarju tad-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Istati Uniti – liema avveniment ikun iċċelebrat fl-4 ta’ Lulju li ġej.
Ir-Re Karlu, fil-preżent, qed jipprova juri ġesti konċiljatorji fi żmien meta l-President Amerikan, Donald Trump u l-Gvern tiegħu qed jikkundannaw lir-Renju Unit talli ma sseħibx direttament fil-Gwerra tal-Iran fuq in-naħa tal-Istati Uniti.
Dan ukoll meta Donald Trump, fl-aħħar xhur, impona t-tariffi fuq ir-Renju Unit minbarra li tkellem b’mod dispreġjattiv dwar il-politika ta’ Londra, filwaqt li kritika wkoll lill-qawwiet Britanniċi minkejja li dawn, fil-passat, dejjem kienu spalla tal-Amerikani fil-konflitti u l-kampanji militari li daħlet għalihom l-Istati Uniti.
Sadanittant, l-aktar fattur li żera d-diżgwid bejn Londra u Washington kien il-leak riċenti ta’ email, f’Washington, li indika li l-Istati Uniti kapaċi tirtira l-appoġġ għas-sovranità tal-Britanniċi fuq il-Gżejjer Falklands…Il-gżejjer li dwarhom, il-Britanniċi ġġieldu gwerra mal-Arġentina fl-1982 u fejn madwar 99 fil-mija tar-residenti jqisu lilhom infushom bħala abitanti ta’ art magħrufa bħala British Overseas Territory.
Ir-Re Karlu, li għal din iż-żjara, qed ikun akkumpanjat minn martu, ir-Reġina Camilla, fost oħrajn qed iwassal il-messaġġ li ‘ir-Renju Unit u l-Istati Uniti dejjem urew solidarjetà u kienu hemm dejjem għal xulxin fi żmenijiet ta’ prova’.
Fil-fatt, din hi wkoll it-tema prinċipali li hu se jitkellem dwarha quddiem il-membri tal-Kungress.
Karlu, f’dawn il-jiem, kompla jenfasizza punti għal ‘rikonċiljazzjoni u tiġdid fir-relazzjonijiet bejn pajjiżu u l-Istati Uniti’ – madankollu, l-osservaturi jemmnu li l-President Trump, minkejja l-istima personali li għandu għar-Re, għandu jkompli bil-kummenti ta’ kundanna għall-Prim Ministru tar-Renju Unit, Keir Starmer.
Dan meta Starmer qed ikompli jinsisti biex ‘ma jdaħħalx pajjiżu fil-gwerra attwali li għaddejja fir-reġjun tal-Golf’.
Min-naħa tiegħu, ir-Re Karlu qed juża wkoll din iż-żjara biex ifakkar fl-isfidi u d-diffikultajiet ġeopolitiċi kbar li d-dinja qed tiffaċċja — u mhux l-anqas fil-każ tal-Istati Uniti u r-Renju Unit.
Għaldaqstant, Karlu qed jinsisti wkoll ma’ Trump dwar il-ħtieġa li pajjiżhom jiddefendu akkost ta’ kollox il-valuri demokratiċi.
Dan waqt li r-Re qed iħeġġeġ partikularment għad-difiża kontinwa tat-tolleranza, il-libertà u l-ugwaljanza – sewwa fit-tragwardi lejn it-tisħiħ tal-Alleanza tan-NATO u sewwa fil-każ tal-Ukrajna li teħtieġ il-protezzjoni mill-aggressjoni tar-Russja.
Is-sigurtà f’Washington, bħalissa, hi intensiva ħafna, biż-żjara Statali ta ’Karlu, imqassma fuq erbat ijiem, qed issir ftit jiem biss wara li raġel armat kien assedja l-lobby ta’ lukanda waqt ikla li kienu qed jattendu Donald Trump u l-membri tal-Kabinett tiegħu…Azzjoni aggressiva li kienet ikkontrollata fil-ħin u bir-Re Karlu, fl-aħħar sigħat, ma jonqosx milli jesprimi s-simpatija mal-President Amerikan rigward l-inċident.
//= $special ?>

