Raġel minn Kalifornja li qed ikun akkużat b’attentat fuq il-ħajja tal-President Amerikan, Donald Trump, jista’ jeħel il-ħabs għal għomru jekk kemm-il darba l-Qorti ssibu ħati.
Dan ir-raġel minn Kalifornja, fil-lejl tas-Sibt, kien assedja l-lukanda Washington Hilton fejn kien qed isir il-White House Correspondents Dinner.
Dak il-ħin, l-aggressur anki spara xi tiri li kważi swew il-ħajja ta’ membru ts-servizzi tas-sigurtà li salva proprju għaliex kien liebes bulletproof vest.
L-attakk seħħ f’sezzjoni tal-lukanda ‘il bogħod mis-sala fejn kienet qed issir l-ikla…Avveniment li għalih, minbarra Donald Trump, kien hemm ukoll preżenti l-First Lady, Melania Trump; il-Viċi-President Amerikan, JD Vance u martu, kif ukoll id-Direttur tal-FBI, Kash Patel.
U filwaqt li r-raġel – li kien qed iġorr is-skieken u l-armi tan-nar – kien qed jipprova jgħaddi minn checkpoint u jidħol fis-sala, il-membri tas-sigurtà evakwaw b’urġenza lill-President u l-uffiċjali oħrajn tal-White House sakemm is-sitwazzjoni kienet ikkontrollata.
L-aggressur, Cole Tomas Allen, ta’ 31 sena, kien anki akkużat b’żewġ reati konnessi mal-ġarr tal-armi tan-nar meta hu, fl-aħħar sigħat, tressaq il-Qorti f’Washington.
L-armi kienu jinkludu azzarin semi-awtomatiku u senter tt-tip pump-action – bl-inċident tas-Sibt iwassal għal reviżjoni sħiħa tas-sigurtà fil-White House ta’ Washington.
Sadanittant, Allen deher kalm għall-aħħar meta tressaq quddiem il-Qorti. U filwaqt li kliemu kien meqjus, hu fl-ebda ħin ma ddikjara jekk hux ħati jew innoċenti mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu.
Fl-aħħar sigħat, il-Qorti semgħet li l-akkużat kien qasam ‘minn Stat għal Stat’ bħala parti mill-allegat pjan biex joqtol lil Donald Trump.
Mifhum li Allen, fil-21 ta’ April, kien telaq mid-dar tiegħu f’Torrance, fiz-zona ta’ Los Angeles u fejn ivvjaġġa bil-ferrovija lejn il-belt ta’ Chicago. Tlett ijiem wara, hu ivvjaġġa lejn Washington fejn ibbukkja kamra fil-lukanda Hilton f’lejliet il-‘gala’ u bl-allegat ħsieb li jikkonkludi l-pjan qattiel.
//= $special ?>

