Pulizija ta’ 41 sena, Alan Joseph Abela, inħeles mill-akkużi li kkawża ġrieħi ħfief lil raġel waqt li kien qed jarrestah f’Awwissu tal-2024.
Nathan Camilleri, ta’ 27 sena, kien allega li l-uffiċjal attakkah waqt li kien qed jarrestah. Camilleri kien tressaq il-qorti fil-25 ta’ Awwissu u nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli b’pussess ta’ kokaina u li attakka lill-pulizija waqt l-istess inċident.
Kien ukoll mixli li uża kliem oxxen u ġab ruħu b’mod indeċenti fil-pubbliku. Huwa ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih. Aktar tard, Camilleri allega li hu wkoll ġie attakkat waqt l-arrest u li ġarrab ġrieħi ħfief.
Fil-Qorti, is-Supretendent Mario Haber qal lill-qorti li ġie nfurmat b’każ li jinvolvi persuna aggressiva li qajmet disturb. Spjega li l-investigazzjoni kienet ibbażata fuq xhieda u filmati minn bodycams, li wrew l-imġiba ta’ Camilleri. Żied jgħid li filmati tas-CCTV ma ndikawx li Abela weġġa’ lil Camilleri.
L-Ispettur Eman Hayman xehed ukoll li l-każ kien ibbażat fuq stqarrijiet u evidenza viżiva, inkluż CCTV u bodycams. Dawn urew lil Camilleri jaġixxi b’mod aggressiv u jinvolvi ruħu f’konfront li wassal għall-arrest tiegħu. Hayman qal li l-evidenza kkonfermat li Abela qatt ma laqat lil Camilleri.
Il-qorti nnutat li l-affidavits u x-xhieda tal-pulizija wrew li Camilleri kien aggressiv waqt l-arrest u anke waqt li kien qed jiġi trasportat f’vettura tal-pulizija. Madankollu, l-evidenza ma kinitx ċara biżżejjed biex tipprova li Abela kkawża xi ġrieħi. Il-qorti, preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, iddeċidiet li element essenzjali tar-reat ma kienx ġie ppruvat u għalhekk sabet lil Abela mhux ħati.
Fl-istess sena, Nathan Camilleri ġie kkuntannat sentenza effettiva ta’ disa’ xhur ħabs u multa ta’ €1,000 fir-rigward tal-attakk fuq Abela. Huwa ġie kkundannat ukoll sentejn ħabs minħabba li wettaq ir-reati waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.
L-akkużat kien assistit mill-avukati Herman Mula u Silvan Pulis
//= $special ?>

