Lokali

Abela jgħid li hu kredibbli…iżda l-Għawdxin għadhom jistennew sptar ġdid, minkejja l-wegħdi

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Il-wegħdi għal Għawdex tal-Manifest Elettorali Malta Flimkien ma wettaqhomx kollha

Fil-bidu ta’ din il-kampanja elettorali, f’elezzjoni msejħa sena qabel, Robert Abela insista li hu flimkien mat-tim tiegħu huma kredibbli.

Madanakollu filwaqt li l-Erbgħa filgħaxija fil-lokalità Ta’ Sannat sostna li għandu mitt proposta għal Għawdex, konvenjentament nesa li fl-1,000 proposta li għamel 4 snin ilu fil-Manifest Malta Flimkien kien semma diversi wegħdiet għal Għawdex, fosthom; il-Breakwater f’Marsalforn, spazju miftuħ minflok il-parkeġġ tal-vetturi fir-Rabat, Għawdex, Mużew għal Għawdex, u l-bini ta sptar ġdid f’Għawdex – sptar li issa amministrazzjoni Laburista ilha tipoppa bih 13-il sena.

Madanakollu l-familji Għawdxin, sfortunatament, għadhom qed jingħataw servizz minn sptar tas-snin l-imgħoddija, sptar li suppost kellu jinbena mill-ġdid minn tal-Vitals, li l-istess Gvern Laburista ħallas il-miljuni ta’ ewro, sptar…li fl-2022 Robert Abela qal li se jibni…madanakollu sal-lum il-ġurnata għadna bl-istess wieħed tal-1967.

Għaldaqstant ċertament li l-kreddibiltà ta’ Robert Abela u t-tim tiegħu f’Għawdex hija ftit li xejn.

Intant, tkelmet ukoll il-kandidata Laburista u Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, Fleur Abela, wara li sitt xhur ilu ħadet post Alison Bezzina – b’Bezzina dakinar tgħid li wara 5 snin servizz kienet infurmata li l-kuntratt tagħha ma kienx se jiġi mġedded….mingħajr ebda spjegazzjoni.

Wara xhur u snin bil-Partit Nazzjonalista, imsieħba soċjali u NGOs jappellaw lill-Gvern biex jisma’ l-għajta ta’ poplu, issa għax tinsab magħna l-elezzjoni ġenerali f’daqqa waħda l-Partit Laburista qed jgħid li l-pass li jmiss huwa ċar – b’aktar investiment fis-saħħa mentali u bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol.

Madanakollu hija sfortuna kbira kif kawża tal-mudell ekonomiku ta’ kwantità, u staġnar enormi fit-toroq – wasalna għal diversi każi ta’ ansjetà fost il-familji Maltin u Għawdxin – fatti reali li qed jgħix il-maġġorparti tal-poplu li mhux parti minn dawk il-ftit tal-qalba li jgawdu bl-esaġerat.

Spikkat ukoll il-preżenza tal-Ministru Anton Refalo, jgħannaq kemm jiflaħ lil Robert Abela li għadu sal-lum jiddefendi dak li s’issa mhux magħruf. Dan għaliex sal-lum il-ġurnata, Refalo ma żammx il-kelma tiegħu ma’ Net News, bil-karti tal-proprjetà fil-Qala, li kien qed jikri sal-2018…u issa ilu 8 snin ma jħallasx sold…għadna ma rajnihomx.

Tant li għadu qed jiddefendih, li sal-lejla stess irringrazzja lil Refalo proprju qabel il-Ministru responsabbli minn Għawdex, Clint Camilleri – fatt li ċertament spikka qalb dawk li kienu qed isegwu.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo