Lokali Saħħa

Gvern ġdid Nazzjonalista kommess li jinvesti fis-settur tas-saħħa

Waqt id-djalogu li sar fil-Mellieħa, il-kelliema tal-PN kienu kollha professjonisti li jaħdmu fis-settur tas-saħħa.

Il-psikjatra Nigel Camilleri tkellem dwar kif l-isport u s-saħħa mentali huma konformi u jgħinu fil-kura tal-pazjent li għandu problemi ta’ saħħa mentali.

Nigel Camilleri, li bħala atleta sportiv għadu kemm temm b’suċċess it-tellieqa tal-Ironman f’Valencia, fi Spanja, esprima s-sodisfazzjon tiegħu kif f’din il-kampanja elettorali, għall-ewwel darba għadna partit politiku – li hu l-Partit Nazzjonalista, li qed jagħti prijorità lis-saħħa mentali.

Hu enfasizza fuq l-importanza li bl-istess mod kif nieħdu ħsieb s-saħħa tagħna, hekk għandna nagħmlu bis-saħħa mentali. Nigel Camilleri faħħar il-proposti u l-ħidma tal-PN fejn jidħlu s-settur tas-saħħa, fosthom il-fatt li qed jindirizza dak li qed tgħid il-WHO, ċioè li jkun hemm prevenzjoni klif suppost, biex tonqos il-problema tas-saħħa mentali.

Camilleri, faħħar ukoll il-proposta tal-PN li jagħlaq l-isptar Monte Karmeli u li jinvesti f’aktar spazji miftuħa, “għaliex dawn huma kruċjali biex intejbu l-mod ta’ kif ninidirizzaw is-saħħa mentali.”

Tkellem ukoll il-kandidat tal-PN Paul Mazzola – li hu tabib tal-familja. Hu tkellem dwar il-komunità, u dwar kif iċ-Ċentri tas-Saħħa fid-diversi lokalitajiet f’pajjiżna, illum jinsabu fi stat li ma jixraqx lill-poplu Malti u Għawdxi.

Hu semma’ in-nuqqas ta’ investimnet li l-Gvern Laburista naqas milli jagħmel f’dawn iċ-Ċentri tas-Saħħa, u semma’ bħala eżempju n-nuqqas ta’ CT scans fid-diversi lokalitajiet. “Dan kollu qed joħloq konġestjoni akbar u waiting list akbar fl-isptarijiet tagħna,” żied jgħid Mazzola.

Il-Kandidat tal-PN fuq is-seba’ distrett, irringrazzja lill-PN għaliex grazzi għall-viżjoni tiegħu f’dan il-qasam, illum għandna Ċentru tas-Saħħa f’Raħal Ġdid, li qed ikun ta’ benefiċċju importanti biex pajjiżna jagħti servizz ta’ saħħa li tkun ta’ kwalità.  

Mazzola, li hu ukoll il-Kap tal-Minoranza tal-PN f’Ħaż-Żebbuġ, irrimarka l-fatt li f’pajjiżna l-Gvern għadu qed ikaxkar saqajħ milli jkollna defibrilators tal-qalb fiċ-Ċentri tas-Saħħa tagħna. Hu saħaq kif fil-lokalità li tagħha hu Kunsillier, fuq inizjattiva tiegħu stess, ħadem biex permezz ta’ sponsors minn individwi differenti, sar investiment xieraq u bżonnjuż fix-xiri ta’ defibrilators tal-qalb.

Preżenti għal dan id-djalogu kien hemm ukoll il-Kandidat u d-Deputat tal-PN, Ian Vassallo. Fil-bidu tal-intervent tiegħu, Vassallo qal li kien għadu kif ġej minn dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir li suppost kellu jitkellem dwar is-saħħa, iżda l-Partit Laburista għażel li jinjora s-suġġett u minflok tkellem dwar is-saħħa, għażel li jibgħat ekonomista, lill-Kandidat Alex Muscat, li fl-ebda mument ma tkellem dwar dan is-settur.  

Vassallo faħħar il-proposti li tkellem dwarhom il-Kap tal-PN, Alex Borg it-Tlieta filgħaxija waqt il-Mass Ralley quddiem id-Dar Ċentrali, fosthom li se jżid in-network ta’ sptarijiet ġodda f’Malta u Għawdex. B’dan il-mod, Ian Vassallo qal li bil-viżjoni ta’ Alex Borg bħala Prim Ministru ġdid ta’ Malta, se jkollna servizz ta’ saħħa li tkun bil-wisq aktar speċjalizzata.

Hu faħħar il-proposta tal-PN, dik ta’ National Health Park, li permezz tagħha se nkunu qed nipprevenu l-mard. Iżda, Ian Vassallo saħaq ukoll li permezz ta’ dan iċ-ċentru l-ġdid, grazzi għall-viżjoni tal-PN, l-għan tiegħu hu ukoll li ngħinu lill-pazjenti sabiex jagħmlu rijabilitazzjoni.

B’dan il-mod, fi kliem il-kandidat Ian Vassallo, se nkunu qed inaqqsu il-piż li llum għandu l-Isptar Mater Dei. Vassallo qal li l-Gvern ta’ Robert Abela, m’għamel xejn fejn jidħol is-saħħa mentali.

Vassallo semma’ il-lista ta’ proġetti li saru mill-PN fil-Gvern fis-saħħa, u li għadna ngawduhom sal-lum għaliex “għall-PN il-pazjent hu l-ewwel u qabel kollox.”

It-tabib Stephen Spiteri saħaq li l-mediċina kontra l-marda tal-kanċer fuq il-formularju tal-Gvern għandha tingħata bla ħlas u tal-aqwa kwalità – mediċini innovattivi li jagħtu ċans lil dawn il-pazjenti jkomplu jgħixu b’dinjita. Stqarr li l-PN ressaq trattament li jista’ jingħata fid-dar tal-pazjent u l-Partit Laburista seraq l-idea u għamilha tiegħu.

Stephen Spiteri stqarr li l-poplu Malti u Għawdxi jistħoqqlu jieħu l-aqwa kwalita ta’ servizzi u kura.

Il-kandidat ġdid tal-PN Ray Gatt stqarr li bħalissa pajjiżna qed jaffaċċja dewmien, queues u delays fil-proċeduri mediċi u pazjent ikollu jinġarr minn post għall-ieħor. Hu saħaq l-importanza li l-pazjent irridu ngħinuħ. Fl-istess waqt Ray Gatt semma problema oħra; dik li l-istaff spiċċaw jaħdmu f’kurituri, canteen u zona taħt taraġ li nbidlet f’sala.

Gatt appella biex Mater Dei jitranġa bħala sptar akut kemm fil-kirurġija u anke mediċini. Bl-istess mod, l-emerġenza f’Mater Dei trid tissaħħaħ “u għandna pjan li jinbena sptar fit-Tramuntana ta’ Malta għall-emerġenzi, bi swali u operating theatres.”