L-ewwel kwart tal-2026 irrappreżenta bidu b’saħħtu għas-sena finanzjarja għall-Grupp Bank of Valletta, ikkaratterizzat minn tkabbir kontinwu fil-karta tal-bilanċ, dħul reżiljenti mill-operat ewlieni, u eżekuzzjoni dixxiplinata tal-istrateġija. Għall-ewwel kwart tal-2026, il-Grupp ħabbar Qligħ Qabel it-Taxxa ta’ €54 miljun, tnaqqis ta’ 19.5% meta mqabbel mal-istess perjodu, fl-2025.
Matul dan il-perjodu, il-Grupp irreġistra prestazzjoni reżiljenti fl-operat, appoġġjat minn kapital u likwidità b’saħħithom. Attività kummerċjali soda sostniet id-dħul ewlieni, bi dħul nett mill-imgħax li gawda minn tkabbir kontinwu fis-self u minn ġestjoni dixxiplinata tat-teżor, sostnuti minn bażi ta’ finanzjament stabbli u ta’ kwalità għolja. Id-dħul nett mit-tariffi u l-kummissjonijiet baqa’ stabbli, li jirrifletti attività qawwija mill-klijenti u jsaħħaħ l-istrateġija tal-Grupp għad-diversifikazzjoni tad-dħul.
Il-qligħ reġistrat, kien karatterizzat minn fatturi speċifiċi ta’ darba, inkluż tensjonijiet ġeopolitiċi għolja li wasslu għal żieda fil-volatilità tas-swieq finanzjarji. Għalkemm ma kellhomx impatt fuq l-attivitajiet operattivi ewlenin tal-Grupp, tal-klijenti jew fuq il-prestazzjoni tal-portafoll, dawn il-fatturi esterni rriżultaw f’impatt ta’ valutazzjoni mhux realizzat fuq il-portafoll ta’ investimenti fl-ekwità. Konsegwentement, ġie rreġistrat telf nett mill-kummerċ ta’ €3.6 miljun meta mqabbel mal-qligħ ta’ €5.5 miljun fl-2025. Dan ma kienx materjali u ma affettwax is-saħħa kapitali jew il-pożizzjoni likwida tal-Grupp.
Il-profittabbiltà tal-Grupp kienet influwenzata wkoll minn spejjeż ogħla ta’ indeboliment, li jirriflettu żviluppi ta’ kreditu speċifiċi u identifikabbli, aktar milli deterjorament fl-ambjent ġenerali tal-kreditu. Matul il-perjodu, il-Grupp irreġistra spiża ta’ indeboliment ta’ €5.6 miljun, prinċipalment minħabba t-tkabbir materjali kontinwu fil-portafoll tas-self kummerċjali u ż-żieda fl-assi kklassifikati bħala Stadju 1. Minkejja dawn l-ispejjeż, l-indikaturi tal-kwalità tal-assi baqgħu b’saħħithom, sostnuti minn standards prudenti ta’ underwriting u ġestjoni dixxiplinata tar-riskju tal-kreditu.
Punti ewlenin tal-prestazzjoni
- Qligħ Qabel it-Taxxa ammonta għal €54 miljun, tnaqqis minn €67.1 miljun.
- Dħul Nett mill-Imgħax ta’ €100.2 miljun, żieda minn €92.5 miljun.
- Dħul Nett mit-Tariffi u l-Kummissjonijiet tela’ minn €20 miljun għal €20.2 miljun.
- Spejjeż Operattivi ammontaw għal €61.7 miljun, żieda minn €52.8 miljun.
- Proporzjon ta’ Spejjeż għad-Dħul żdied għal 51.8% minn 44.7%.
- Ir-Rendiment fuq l-Ekwità Medja (qabel it-taxxa) naqas għal 14.2% minn 17.9%
- Id-Depożiti żdiedu bi €351.9 miljun, biex issa qabżu l-€14.1 biljun.
- It-Total tal-Assi laħqu s-€17-il biljun, żieda minn €16.5 biljun f’Diċembru 2025.
- Il-Portafoll tas-Self laħaq it-€8.3 biljun, żieda minn €8 biljun f’Diċembru 2025.
- Il-Valur Nett tal-Assi għal kull sehem kien ta’ €2.4, ’il fuq minn €2.3 f’Diċembru 2025.
- Il-Proporzjon tal-Kapital baqa’ wieħed b’saħħtu u ogħla mill-obbligi regolatorji.

Il-Grupp ikompli josserva l-ambjent ġeopolitiku li qed jevolvi u l-impatt potenzjali tiegħu fuq l-ekonomija Maltija u s-sistema finanzjarja, filwaqt li jżomm monitoraġġ imsaħħaħ fuq id-dimensjonijiet ewlenin tar-riskju. Il-valutazzjoni tibqa’ li Malta daħlet fil-perjodu attwali ta’ inċertezza ġeopolitika minn pożizzjoni ta’ saħħa relattiva, sostnuta minn tkabbir ekonomiku reżiljenti, qgħad baxx, inflazzjoni li qed timmodera u finanzi pubbliċi sodi.
Il-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-Grupp jinkorpora analiżi ta’ xenarji b’ħarsa ’l quddiem u indikaturi ta’ twissija bikrija biex jiġu identifikati pressjonijiet emerġenti. Sa issa, dawn ma indikaw l-ebda deterjorament materjali fl-aġir tal-klijenti jew fil-prestazzjoni tal-portafoll. Dan l-approċċ jiżgura li l-Grupp jibqa’ f’pożizzjoni tajba biex jassorbi xokkijiet potenzjali u jkompli jappoġġja lill-klijenti u lill-ekonomija inġenerali f’kuntest globali dejjem aktar inċert.
“Reżiljenza, eżekuzzjoni dixxiplinata u fundamenti sodi” – Gordon Cordina, Chairperson
Waqt li kkummenta dwar il-prestazzjoni finanzjarja tal-Grupp, iċ‑Chairperson Cordina qal, ‘Il-Grupp irreġistra bidu b’saħħtu għas-sena, li jirrifletti reżiljenza, approċċ dixxiplinat u fundamenti sodi. Din il-prestazzjoni nkisbet f’ambjent ekonomiku stabbli, flimkien man-normalizzazzjoni mistennija tad-dħul, l-istabbiltà fir-rati tal-imgħax u perjodu ġdid ta’ inċertezza ġeopolitika.
Mill-perspettiva tas-suq, il-Programm ta’ Xiri Lura ta’ Ishma kompla jappoġġja l-attività kummerċjali fl-ishma tal-Bank, filwaqt li bħalissa għaddejjin it-tħejjijiet għall-ħruġ ta’ Senior Preferred Bond ta’ €300 miljun, soġġett għall-approvazzjoni regolatorja. Sostnuta minn bażi kapitali b’saħħitha, prestazzjoni reżiljenti u implimentazzjoni konsistenti tal-istrateġija tagħna, il-prezz tal-ishma tal-Bank laħaq livelli għoljin ta’ €2.14 matul dan il-perjodu.
Inħarsu ’l quddiem, il-Grupp jibqa’ f’pożizzjoni tajba biex jilħaq il-miri li l-profitt qabel it-taxxa għas-sena finanzjajra kurrenti jkun fil-medda ta’ bejn €210 miljun u €250 miljun, f’konformità mal-gwida preċedenti. Nibqgħu wkoll impenjati li nippremjaw lill-azzjonisti tagħna u għandna l-intenzjoni li nżommu l-politika tagħna li nqassmu sa 50% tal-profitti wara t-taxxa, soġġett għall-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq.”

“Prestazzjoni oħra b’saħħitha mill-Grupp BOV” – Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv
Il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia qal, “Bi pjaċir illum qed inħabbru prestazzjoni oħra b’saħħitha mill-Grupp BOV, li tkompli tibni fuq ir-riżultati pożittivi li ksibna fl-2025. Matul l-ewwel kwart tal‑2026, il‑Bank kompla juri prestazzjoni operattiva reżiljenti, kabbar il‑karta tal‑bilanċ tiegħu u żamm kwalità soda tal‑assi. L‑attivitajiet ta’ self u tat‑teżor baqgħu b’saħħithom, appoġġjati minn mudell ta’ negozju diversifikat.
Il-bażi tad-depożiti tagħna tirrifletti l‑fiduċja li l‑klijenti tagħna jqiegħdu fil‑kredibbiltà tal‑Bank u fl‑approċċ fit‑tul tiegħu. It‑tkabbir u d‑diversifikazzjoni tal‑portafoll tas‑self korporattiv ikomplu jappoġġjaw setturi ekonomiċi ewlenin, filwaqt li l‑konsolidazzjoni tas‑servizzi korporattivi taħt saqaf wieħed, flimkien mat-twessiegħ tas-servizzi li noffru permezz tal‑assigurazzjoni ġenerali, tkompli ssaħħaħ il‑pożizzjoni tagħna bħala l‑Bank tal‑Għażla f’Malta.
Dawn ir‑riżultati jirriflettu fundamenti sodi u fiduċja kontinwa mill‑klijenti. Bl-akbar netwerk f’Malta minn fejn naqdu lill-klijenti, u b’reżiljenza msaħħa minn investment‑grade credit rating, il‑Bank jinsab f’pożizzjoni unika biex joffri stabbiltà u konsistenza filwaqt li jibqa’ integrat fl‑ekonomija Maltija. Hekk kif nidħlu fl‑aħħar sena taċ‑ċiklu strateġiku l-attenzjoni tagħna tibqa’ fuq eżekuzzjoni dixxiplinata, servizz bankarju responsabbli u ħolqien ta’ valur fit‑tul għall‑partijiet interessati kollha.”
Prestazzjoni finanzjarja
Id-dħul nett mill-imgħax għall-ewwel kwart tas-sena ammonta għal €100.2 miljun, żieda ta’ €7.7 miljun meta mqabbel mal-2025. Ġie reġistrat tkabbir fis-self għall-klijenti li jirrifletti r-relevanza tal-prodotti tal-BOV fi ħdan is-settur tas-self u d-dħul daqstant ieħor importanti mill-ġestjoni dixxiplinat tat-teżor. Id-dħul mit-tariffi u l-kummissjonijiet ġie rrappurtat f’€20.2 miljun, żieda marġinali ta’ 1.1% mill-istess kwart tas-sena li għaddiet, li jirrifletti attività reżiljenti tal-klijenti, b’prestazzjoni b’saħħitha fil-qasam tal-kards u s-self, konsistenti wkoll mal-qalba lejn iktar pagamenti diġitali.
L-ispejjeż operattivi sal-aħħar ta’ Marzu 2026, laħqu l-€61.7 miljun, żieda ta’ €8.9 miljun fuq l-ewwel kwart tal-2025. Dan jirrifletti spejjeż ogħla marbuta mal-impjegati u l-IT, spejjeż ta’ deprezzament u kontribuzzjonijiet għall-Iskema ta’ Kumpens għad-Depożitant. Riżultat ta’ dan, il-proporzjon għall-ispejjeż u d-dħul żdied minn 44.7% fl-2025 għal 51.8%, konsistenti mal-aspettativi li dan ikun fil-medja ta’ inqas jew qrib il-50%, kif indikat fil-gwidi prospettivi.
Ir-rendiment fuq l-ekwità medja (qabel it-taxxa), naqas għal 14.2%, li jfisser 3.7 punti perċentwali inqas meta mqabbel mal-2025, konsistenti mal-aspettattivi kif ikkomunikat fil-bidu tas-sena. Il-Qligħ għal kull Sehem naqas għal €0.056 meta mqabbel ma’ €0.069 fl-2025 (dikjarat mill-ġdid għall-ħruġ tal-ishma bonus fit-tieni kwart tal-2025), li jirrifletti tnaqqis fil-qligħ qabel it-taxxa għall-dan il-kwart, kif ukoll il-programm ta’ xiri lura tal-ishma li għadu għaddej u li parzjalment għamel tajjeb għal dan it-tnaqqis.
L-indikaturi tal-kwalità tal-assi jibqgħu b’saħħithom, bil-proporzjon ta’ NPL (Self li ma Jrendix) jitjieb għal 1.57%. Il-proporzjon ta’ kopertura tal-ECL (Telf ta’ Kreditu Mistenni), għall‑assi indeboliti kien ta’ 55.1%, li jirrifletti approċċ prudenti għall‑provviżjonijiet filwaqt li jibqa’ jibbenefika minn titjib kontinwu fil‑kwalità u d‑dinamika tal‑portafoll.
Qagħda finanzjarja
L‑assi totali laħqu s-€17‑il biljun f’Marzu 2026, żieda ta’ madwar nofs biljun ewro meta mqabbla mal‑2025. Dan jirrappreżenta livell rekord għall‑Grupp, bit‑tkabbir jirrifletti l‑espansjoni kontinwa tal‑karta tal‑bilanċ, konsistenti mal‑fokus strateġiku tal‑Grupp li jappoġġja l‑attività ekonomika domestika filwaqt li jżomm livelli sodi ta’ likwidità u dixxiplina fil‑finanzjament. Il‑portafoll tat‑Teżor tal‑Grupp issa laħaq is-€7 biljun fl‑ewwel kwart tal‑2026, żieda ta’ €119.3 miljun, li jirrifletti l‑impenn tal‑Grupp li jmexxi likwidità żejda f’titoli ta’ dejn ta’ kwalità għolja.
Il‑portafoll tal‑kreditu kompla jikber, bil‑bilanċ jilħaq it-€8.3 biljun fl‑ewwel kwart, li jirrifletti momentum b’saħħtu fis‑self lill‑klijenti. B’riżultat ta’ dan, il-proporzjon tas‑self gross għad‑depożiti żdied minn 59% f’Diċembru 2025 għal 59.5% matul l-ewwel kwart tas-sena.
Id‑depożiti rreġistraw żieda sinifikanti oħra ta’ €351.9 miljun, jew 2.6%, matul l‑ewwel kwart tal‑2026, u qabżu l‑livell ta’ €14.1 biljun. Dan jirrifletti s‑saħħa tal‑Grupp, xprunata minn żieda kemm fid‑depożiti retail kif ukoll dawk tan‑negozju. B’konsegwenza ta’ dan, il‑Grupp żamm pożizzjoni ta’ likwidità b’saħħitha ħafna, b’ratio LCR ta’ 385.8%, ferm ogħla mir‑rekwiżiti regolatorji minimi.
L‑ekwità totali tal‑Grupp għalqet b’€1.5 biljun, ftit ogħla minn Diċembru 2025, bil‑Valur Nett tal‑Assi għal kull sehem ikun ta’ €2.4 (Diċembru 2025: €2.3 għal kull sehem), u b’hekk tissaħħaħ aktar il‑pożizzjoni tal‑valur sottostanti. Il-proporzjonijiet kapitali tal‑Grupp baqgħu b’saħħithom u ’l fuq sew mir‑rekwiżiti regolatorji.
//= $special ?>

