Lokali

Il-Kap tal-PN iħabbar proposti marbuta mas-settur marittimu

“Il-proposti li fassal il-Partit Nazzjonalista b’rabta mas-settur Marittimu huma favorevoli.”


Kien dan il-mod li bih ġew deskritti l-proposti li ħabbar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg bħala parti mill-programm elettorali … meta żar il-kumpanija Maritime MT; skola li toffri edukazzjoni u taħriġ lil nies biex ikunu jistgħu jaħdmu fil-qasam marittimu.


Mal-wasla tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, intlaqa’ mit-tmexxija tal-kumpanija li dawwruh mal-faċilitajiet fejn iltaqa’ mal-ħaddiema u l-istudenti – u anke segwa kif jaħdem l-operat tagħhom.

F’laqgħa li kellhom mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-ħaddiema ta’ Maritime MT qasmu miegħu l-isfidi li qed jaffaċċjaw bħala skola – fosthom: nuqqas ta’ letturi, u nuqqas ta’ interess f’dan il-qasam minħabba li l-karrieri marittimi mhumiex promossi biżżejjed fl-iskejjel. Dan apparti nuqqas ta’ aċċess għal skemi ta’ fondi u stipendji.


Min-naħa tiegħu Alex Borg elenka numru ta’ proposti li fassal il-PN u li għandhom l-għan li jindirizzaw dawn il-preokuppazzjonijiet. Alex Borg tenna kif Gvern immexxi minnu jassigura li fil-livell sekondarju fl-edukazzjoni jiġu offruti korsijiet fil-marittimu.

Apparti minn hekk semma’ kif studenti li jidħlu jistudju fl-iskola Maritime MT jingħataw stipendju xieraq. Kompla jispjega kif gvern Nazzjonalista jemalgama lil Maritime MT u l-MCAST flimkien sabiex jużaw ir-riżorsi ta’ xulxin. Apparti minn hekk tenna kif Transport Malta taħt gver Nazzjonalista tkum maqsuma fi tliet awtoritajiet ewlenin iffukati speċifikament fuq il-marittimu, avjazzjoni u art. Alex Borg tenna kif il-PN isaħħaħ dan is-settur billi jespandi fl-AI, fl-LNG, green fuels u digital shipping. Finalment jinvesti wkoll f’lobbies fi ħdan l-IMO u anke fi Brussell.

Intant, ic-CEO ta’ Maritime MT, Pauline Micallef faħħret il-proposti li ħareġ bihom il-Partit Nazzjonalist u qalet li se jkunu favorevoli ferm sabiex is-settur marittimu f’pajjiżna ikompli jissaħħaħ.


Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg kien akkumpanjat mill-kandidati Ivan Castillo u Justin Schembri.