Il-Melita Foundation ħabbret sejħa ġdida għal finanzjament li, għall-ewwel darba, se tippermetti lill-organizzazzjonijiet eliġibbli jiksbu appoġġ fuq diversi snin għall-proġetti tagħhom. Din is-sejħa għal finanzjament, li tkopri perjodu ta’ tliet snin sal-2028, se tippermetti lill-benefiċċjarji jippjanaw u jwettqu inizjattivi fit-tul li joħolqu impatt dejjiemi f’Malta u Għawdex. Applikanti li jirnexxu jistgħu jibbenefikaw minn massimu ta’ €30,000 f’finanzjament.
Minn mindu twaqqfet fl-2020, il-Melita Foundation appoġġjat kważi 100 proġett volontarju fil-komunità li jiffokaw fuq it-tisħiħ tal-ħiliet diġitali, il-promozzjoni tal-kreattività u l-ħarsien tal-wirt u l-ambjent ta’ Malta. Matul dawn l-aħħar ħames snin, il-Fondazzjoni pprovdiet ukoll finanzjament lil għexieren ta’ inizjattivi li joffru benefiċċji lil gruppi vulnerabbli u dawk li jikkontribwixxu għal soċjetà aktar inklużiva u sostenibbli.
Sabiex tibni fuq dan ir-rekord pożittiv, il-Melita Foundation issa qed tniedi sejħa ġdida għal finanzjament li tintroduċi mudell ta’ finanzjament fuq diversi snin. Dan l-approċċ il-ġdid huwa mfassal biex jagħti lill-organizzazzjonijiet aktar ċertezza u flessibbiltà biex jimplimentaw programmi li jeħtieġu investiment u ppjanar kontinwu fuq perjodu itwal ta’ żmien.
Il-Professur Tanya Sammut-Bonnici, Chair tal-Melita Foundation, qalet, “Matul dawn l-aħħar ħames snin rajna mill-qrib id-dedikazzjoni u l-kreattività ta’ organizzazzjonijiet madwar Malta u Għawdex li qed jaħdmu biex itejbu l-ħajja tan-nies u jipproteġu dak li jagħmel lill-gżejjer tagħna uniċi. Bl-introduzzjoni ta’ mudell ta’ finanzjament fuq diversi snin, irridu nipprovdu aktar stabbiltà għal proġetti li jeħtieġu ppjanar fit-tul u impenn kontinwu sabiex iwasslu għal riżultati sinifikanti għall-komunitajiet tagħna.”
L-applikazzjonijiet għall-finanzjament issa huma miftuħa, bid-dettalji kollha dwar il-kriterji ta’ eliġibbiltà, il-proċeduri tal-applikazzjoni u l-iskadenzi disponibbli fuq il-website tal-Melita Foundation.
//= $special ?>

