Il-kaos li hemm fl-isptar huwa ċertifikat ta’ Gvern li s-saħħa tal-Maltin nesieha fuq il-billboards tiegħu stess.
L-artiklu ppubblikat illum fit-Times of Malta dwar kif zona fl-isptar li suppost hija riżervata għal pazjenti li jkunu qed jirkupraw minn interventi kirurġiċi spiċċat qisha suq huwa inkwetanti.
Dak li kitbu l-infermiera dwar is-sitwazzjoni huwa ta’ tħassib. Zona li suppost hija waħda kkontrollata, sterili u post ta’ mistrieħ għal min ikun għadu kemm saritlu xi operazzjoni qed tispiċċa mimlija nies ġejjin u sejrin bla kontroll.
Dan mhux biss qed ipoġġi f’riskju serju lil pazjenti li jkunu qegħdin rikoverati hemm imma qed itellef lill-professjonisti tas-saħħa milli jagħmlu xogħolhom b’mod effiċjenti u sigur.
Il-Gvern Laburista fl-aħħar tlettax-il-sena tefa’ l-piż kollu tas-saħħa tan-nies fuq il-ħaddiema u l-professjonisti li jaħdmu fiċ-ċentri tas-saħħa u l-isptarijiet.
Dan il-pajjiż, u l-poplu Malti u Għawdxi, għandhom bżonn Nifs Ġdid fis-saħħa.
Il-Partit Nazzjonalista għandu s-soluzzjonijiet, fosthom bil-proposti li ħabbar f’din l-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali, għall-qasam tas-saħħa:
- Jinbena sptar ġdid fit-Tramuntana tal-pajjiż
- Jitkabbar il-Paola Hub biex isir sptar ġdid
- Isir titjib f’Mater Dei biex ilaħħaq mad-domanda dejjem tikber
- Jinbena sptar ġdid f’Għawdex
- Jinbena Ċentru ta’ kwalità għolja li jipprommwovi l-aħjar lifestyle li ttejjeb is-saħħa fiżika u mentali
- Jiġi eliminat il-waiting time
- Nespandu s-servizzi ta’ riabilitazzjoni u kura intermedja
- Nagħtu kura tas-saħħa mentali fil-komunitajiet, b’faċilitajiet moderni u jingħata appoġġ lill-iskejjel
- Ninvestu bis-serjetà fil-ħaddiema tas-saħħa
- Insaħħu ċ-ċentri eżistenti biex jiġu esetiżi s-servizzi
- Ikun hemm discharge planning koordinat u follow-ups fil-komunità
- Il-mediċini kollha tal-kanċer li jordnalek il-konsulent jingħatw b’xejn.
Dan il-pjan mhux biss iħaffef il-piż minn fuq l-isptar Mater Dei imma jiggarantixxi servizz aktar effiċjenti u aktar qrib tiegħek, u jnaqqas l-istress minn fuq il-ħaddiema tas-saħħa filwaqt li jagħtihom pagi aħjar.
Dan hu n-Nifs Ġdid. In-Nifs Ġdid li jixirqilhom in-nies.
//= $special ?>

