Pubblikaturi li jirrappreżentaw 80% tal-produzzjoni annwali tal-kotba f’Malta ħabbru li
mhux se jipparteċipaw fl-ewwel Konferenza Annwali tal-Ktieb, li se tkun organizzata fit-8 ta’ Mejju, 2026.
Il-grupp sostna li dan l-avveniment hu eżerċizzju fieragħ ta’ public relations u ħela ta’ riżorsi minħabba li ma tindirizzax it-theddida eżistenzjali li qed tiffaċċja l-industrija lokali tal-ktieb.
Din id-deċiżjoni konġunta ttieħdet wara snin ta’ nuqqasijiet. Il-grupp isostni li s-settur
tal-pubblikazzjoni hu konsistentement imwarrab meta mqabbel ma’ setturi kulturali
oħra li jibbenefikaw minn finanzjament stabbli u appoġġ strateġiku.
Minkejja proposti formali ripetuti u sforzi ta’ lobbying, it-tħassib tal-pubblikaturi ġie injorat kompletament, u laħaq punt kritiku fl-2024 meta rapport dettaljat tal-industrija dwar it-tbatijiet attwali
ma kellu l-ebda reazzjoni mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali,
mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u millKunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Il-grupp ta’ pubblikaturi jisħaq li l-fiduċja kompliet titnaqqar waqt id-diskussjonijiet dwar
l-istrateġija tal-ktieb imnedija mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u immexxija mill-KPMG.
Il-kontribuzzjoni tal-pubblikaturi tħalliet barra kemm mill-proċess ta’ konsultazzjoni kif
ukoll mir-rapport finali tal-istrateġija, bir-riżultat li l-istrateġija kif ippubblikata mhux
rappreżentattiva tal-bżonnijiet attwali tal-industrija.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb falla fil-mandat tiegħu u jidher ċar li m’għandux l-għarfien
meħtieġ biex jappoġġja din l-industrija. Il-grupp m’għadux interessat fi djalogu
superfiċjali jew f’laqgħat fejn isir biss diskors li ma jiġix segwit minn xi tip ta’ attwazzjoni.
Il-pubblikazzjoni Maltija issa tixraqilha u tistenna azzjoni konkreta u impenn ġenwin
għas-sopravivenza tas-settur.
Il-pubblikaturi qed jitolbu li jieqfu l-avvenimenti fiergħa u qed jitolbu negozjati diretti
mal-Gvern. Il-grupp jafferma li impenn dirett f’livell għoli biss jista’ jassigura l-futur tal-pubblikazzjoni f’Malta u jindirizza l-isfidi kritiċi li l-Kunsill naqas milli jindirizza u jipprova jsolvi.


