Opinjoni

Opinjoni: Is-saħħa u s-sigurtà ma jibdewx meta jiġi l-ispettur iżda meta tieħu deċiżjoni

Minkejja l-progress li sar, is-sistema Maltija għadha essenzjalment waħda reattiva

Stanley Zammit
Shadow Minister
għall-Ippjanar u l-Artijiet

Fl-aħħar snin il-politika tal-Gvern poġġiet il-kwantità qabel il-kwalità, b’konsegwenzi li dehru f’inċidenti u traġedji, inkluż il-każijiet ta’ Miriam Pace u Jean Paul Sofia, li esponew fallimenti serjissimi ta’ koordinazzjoni u responsabbiltà.
Il-problema fundamentali hija li s-sistema taġixxi wara li jseħħ l-inċident, minflok tipprevjenih. Huwa enfasizza li sistema preventiva trid tkun ibbażata fuq identifikazzjoni bikrija tar-riskju u azzjoni qabel ma jkun tard wisq, livell li qal li Malta għadha ma laħqitx.
Skont iċ-ċifri fir-rapport ta’ ħidma tal-OHSA għas-sena 2025 li juru li madwar 74% tas-siti huma meqjusa compliant, inħarġu 2,759 enforcement orders u 526 stop orders, b’aktar minn 2,500 każ ta’ nuqqas ta’ konformità fis-settur tal-kostruzzjoni biss. Dawn iċ-ċifri juru li l-compliance għadu mhux kultura, iżda obbligu impost. L-infurzar mhuwiex prevenzjoni sostna u s-sistema li tiddependi fuq multi u infurzar biss ma tistax toħloq bidla reali fl-imġiba.
Wieħed mill-aktar punti allarmanti li enfasizza kien il-fatt li madwar 70% tal-postijiet tax-xogħol m’għandhomx risk assessment adegwat. Dan hu bħala falliment ċar tas-sistema preventiva, kemm minħabba nuqqas ta’ għarfien fost operaturi żgħar, kif ukoll nuqqas ta’ kultura ta’ prevenzjoni. Ir-risk assessment m’għandux ikun dokument formali, iżda għodda ħajja li tmexxi d-deċiżjonijiet ta’ kuljum. Mingħajrha ma jistax ikun hemm maniġjar effettiv tar-riskju.
Teżisti frammentazzjoni bejn diversi entitajiet regolatorji, fosthom l-OHSA, il-Building and Construction Authority u l-Planning Authority. Dan qed iwassal għal nuqqas ta’ koordinazzjoni, deċiżjonijiet kontradittorji u infurzar mhux konsistenti mingħajr koordinazzjoni aktar b’saħħitha, il-prevenzjoni tibqa’ tibda tard wisq.
Fuq livell finanzjarju, il-maġġoranza tal-baġit tal-Awtorità tmur fuq salarji u servizzi, filwaqt li biss madwar 9% hija allokata għal awareness, training u community outreach.
Fejn jinsab l-investiment serju fil-prevenzjoni, inkluż fil-professjonisti, sistemi ta’ data intelligence u spezzjonijiet ta’ kwalità? Barra minn hekk, hemm indikazzjonijiet ta’ defiċit, li jfisser li r-responsabbiltajiet qed jiżdiedu mingħajr riżorsi adegwati.
Jeħtieġ nagħtu importanza kbira lill-edukazzjoni bħala pedament tal-prevenzjoni. Il-kultura tas-saħħa u s-sigurtà ma tinbeniex bil-liġijiet biss, iżda permezz ta’ taħriġ strutturat, skills cards u sensibilizzazzjoni li tibda mill-iskejjel u tkompli fuq il-post tax-xogħol.
Jeħtieġ inkunu kontra dipendenza fuq multi bħala mezz ta’ regolazzjoni u s-sistema moderna għandha tnaqqas il-ħtieġa għall-infurzar permezz ta’ prevenzjoni effettiva.
Nappella għal investiment f’sistemi ta’ data li jippermettu prevention through pattern recognition. Saru passi inizjali mill-OHSA f’dan il-qasam, iżda hemm bżonn li l-pajjiż jidentifika mudelli ta’ riskju u jaġixxi b’mod proattiv.
Il-kwistjoni tal-underreporting tal-inċidenti, qed tillimita l-abbiltà tas-sistema li titgħallem u tipprevjeni. Dan jolqot b’mod partikolari lill-ħaddiema vulnerabbli, speċjalment dawk barranin.
Mill-esperjenza tiegħi ma’ pirotekniċi, osservajt progress fil-prattika tas-saħħa u s-sigurtà, iżda għad hemm ukoll lakuni leġiżlattivi relatati mal-volontarjat. Minkejja t-taħriġ li qed jiġi promoss, għadu nieqes qafas legali ċar li jindirizza r-responsabbiltajiet f’dan il-qasam.
Nappella għal bidla sistemika u kulturali, li fiha s-saħħa u s-sigurtà ma jibqgħux add-on iżda jsiru built-in bħala parti integrali mid-deċiżjonijiet kollha.
Il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hi serje ta’ trasformazzjonijiet meħtieġa, fejn is-sistema trid timxi minn approċċ ibbażat fuq compliance għal waħda mibnija fuq kultura, minn dipendenza fuq enforcement għal konvinzjoni vera fost l-operaturi, u minn mudell reattiv għal wieħed li jpoġġi l-prevenzjoni fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni. Is-saħħa u s-sigurtà ma jibdewx meta jiġi l-ispettur iżda jibdew meta tieħu deċiżjoni.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 26 ta’ April, 2026.