Opinjoni

Opinjoni: Il-persuni b’diżabbiltà; dritt għal awtonomija

Matul il-mixja ta’ pajjiżna, il-poplu Malti tgħallem u mmatura kif uża ċertu espressjoni u terminoloġiji biex jiddeskrivi ċertu realtajiet iebsa tal-ħajja

Albert Buttigieg
Shadow Minister għall-Familja
u s-Sigurtà Soċjali

Dan ifssser li l-poplu Malti għaraf juza kliem, espressjonijiet u terminologiji inqas ħarxa u aktar umani u inklussivi. Pereżempju: Fl-imgħoddi persuna kbira fl-età konna nuzaw il-kliem ta’ ‘Xiħ’. Illum biex nitkellmu fuq din ir-realtà ta’ meta wieħed jikber nużaw il-kliem anzjan u nitkellmu fuq anzjanità attivita.
Il-kittieb famuż Ingliż, William Shakesphare kien qal ‘what’s in a name?’, jiġifieri x’differenza tagħmel liema kelma nużaw? Id-differenza f’liema kliem nużaw hija għaliex il-kliem jikxef mentalità ta’ ħsieb u jikxef liema valuri li wieħed iħaddan. U allura meta qegħdin nagħżlu dawn il-kliem minflok oħrajn, qegħdin nifhmu u napprezzaw aktar il-persuna bħala persuna. Dan li qiegħed ngħid, jgħodd aktar u aktar meta nitkellmu fuq persuni b’dizabbiltà.
Fl-imgħoddi dawn il-persuni, mhux biss konna sfortunatament naħbuhom, imma anke l-kliem u l-espressjonijiet li konna nużaw biex nitkellmu dwarhom kienu iebsa u vojta minn kull umanità. Fil-fatt konna nużaw il-kelma ‘Immankati’ jew bl-Ingliż, ‘handicapped’ – kelma iebsa u nieqsa minn kull empatija u umanità. Għaliex illum qegħdin nużaw il-kliem ‘persuni b’diżabbiltà, allura qegħdin nifhmu li l-persuna mhux biss għandha element ta’ dizabbiltà imma wkoll abbiltà. B’hekk nifhmu lil kull persuna, għandha x’għandha fil-ħajja, għandha wkoll numru ta’ abbilitajiet!

Perspettiva ġdida
Din hija perspettiva pożittiva li tagħraf li flok tagħżel li tħares lejn it-tazza nofsa vojta, tagħżel li tħares lejn it-tazza nofsa mimlija!
B’dan il-mod qegħdin nifhmu u napprezzaw li kull persuna, ‘il hinn mil-limitazzjonijiet li jista’ jkollha, hija persuna bħalna. Xejn iżjed. Xejn aktar!
Dan il-prinċipju huwa wieħed fundamentali li għandu jdawwar kull diskors u kull politika li nagħmlu. Dan il-prinċipju għandu jkun il-bidu u t-tmien ta’ kull raġunar, fejn dak li nagħmlu ma’ dawn il-persuni qegħdin nagħmluh mhux bħala pjaċir jew biex nidhru ħelwin magħhom, imma bħal dritt għalihom u dmir għalina. B’hekk biss is-soċjetà tkun verament inklussiva fejn ħadd u ħadd ma jħossu mwarrab jew barrani f’daru u f’pajjiżu stess!

Abbozzi 173 u 176
Ftit tal-ġranet ilu, fil-Parlament kellna abbozzi 173 u 176 fejn bħala Partit Nazzjonalista qbilna flimkien mal-Gvern biex inbiddlu mhux biss it-terminologija imma l-ħsieb u ndaħħlu mentalità u kultura aktar inklussiva. Fil-fatt, filwaqt li qabel konna qegħdin nużaw il-kelma ‘gwardjan – custodian’ għal dak li qabel kien jieħu ħsieb l-interess tal-benesssere tal-persuna b’dizabbiltà, issa ser nibdew nużaw il-kliem/espressjoni‘ assistent personali – personal assistant’. X’differenza din tagħmel?
Gwardjan huwa xi ħadd li għandu l-poter fuq persuna oħra. Gwardjan huwa dak li jikkontrolla. Gwardjan huwa fuq livell superjuri. Jiena naf x’inhuwa tajjeb għalik u allura għamel dak li ngħidlek jiena!
Min-naħa l-oħra, assistent personali huwa persuna li flimkien mal-persuna b’diżabbiltà qiegħed jagħti s-sapport, sostenn, l-appoġġ u flimkien qegħdin jieħdu d-deċizjonijiet. Fil-qosor: filwaqt li l-kelma ‘gwardjan’ hemm ċerta dipendenza, f’terminu ‘assistent personali’ hemm aktar awtonomija, indipendenza u ownership tad-deċizjonijiet meħuda! Dan ifisser shift ta’ mentalità.

Awtonomija u independenza
Kull min jaħdem mal-persuni b’diżabbiltà jew għandhom membri fil-familja b’din ir-realtà, jafu sew li l-akbar sfida li kull persuna b’diżabbilta’ għandha huwa li jkollha livell ta’ indipendenza u awtonomija. Kulħadd jaf li filwaqt li diżabbilta’ toffri numru ta’ diffikultajiet u limitazzjonijiet imma l-esperjenza u x-xjenza turina biċ-ċar li aktar mal-persuna jkollha livell ta’ awotonmija u indipendenza, aktar ikollha livell aħjar ta’ kwalità ta’ ħajja!
Ilkoll naqblu li bħala genituri, sforz l-imħabba u l-għożża, inkunu xi drabi protettivi lejn uliedna għaliex nibżgħu li jiġrilhom xi ħaġa. Issa dan is-sens ta’ protezzjoni huwa ferm akbar u aktar b’saħħtu fil-ġenituri li għandhom uliedhom b’diżabbiltà. Imma l-aħjar u l-aqwa mod kif inħarsu lil dawn il-persuni huwa li minn età bikrija, ngħallmu lil dawn it-tfal ikunu mhux biss awtonomi u indipendenti imma li jkunu jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom.
Dan ifisser li fejn huwa possibbli nagħmluhom jieħdu ħsieb l-iġene tagħhom, li jbiddlu weħedhom, li jafu jaqbdu l-karrozza tal-linja, li kapaċi jużaw il-flus, li jagħżlu huma l-ħwejjeġ u l-istill ta’ xagħarhom, fost oħrajn. Dawn huma affarijiet żgħar u forsi għalina huma normali imma għal dawn il-persuni jagħtuhom sens minn età bikrija ta’ awtonomija. Filwaqt li qiegħed ngħid dan, fl-istess waqt irid ukoll niġbed l-attenzjoni li min-naħa oħra, hemm riskju li minħabba dan l-assistent personali, il-persuna b’diżabbilta’ tispiċċa tiddependenti totalment fuqu! Jekk jiġri dan, allura dan ser ikun counter productive!!
Għaldaqstant, biex ma jiġrix dan, allura huwa ferm u ferm importanti li dawn l-assistenti personali jkunu mħarġin u preparti sew! Nemmen li għamilna pass ieħor f’din il-mixja twila li ilu miexi pajjiżna biex b’hekk dawn iċ-ċittadini tagħna jkomplu jħossuhom parti integrali mis-soċjetà tagħna. Ilkoll kemm aħna, aħna min aħna, aħna parti minn din is-socjetà u hija r-responsabbiltà tagħna lkoll li nkunu vuċi soda u assertiva favur dan.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 26 ta’ April, 2026.