Opinjoni

Opinjoni: Nifs Ġdid

Wieħed jiddibatti jekk verament, din l-elezzjoni hix sejra ssir fl-aħjar interess tal-pajjiż jew jekk hux qed issir għax il-Labour hekk jaqbillu

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

L-elezzjoni bikrija mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela mhix biss sorpriża politika, iżda hija wkoll deċiżjoni li tqajjem mistoqsijiet serji dwar il-motivazzjonijiet warajha.
Il-Prim Ministru kien ilu xhur jagħti l-impressjoni li dan id-diskors kollu dwar elezzjoni imminenti kien biss stħajjil tal-Partit Nazzjonalista u tal-Kap tal-partit Alex Borg, imma propju nhar it-Tnejn li għadda sejjaħ elezzjoni għat-30 ta’ Mejju.
Wieħed jiddibatti jekk verament, din l-elezzjoni hix sejra ssir fl-aħjar interess tal-pajjiż jew jekk hux qed issir għax il-Labour hekk jaqbillu. Minkejja li Abela qiegħed jipprova jiġġustifika din id-deċiżjoni bħala bżonn ta’ “mandat ġdid” minħabba sitwazzjoni internazzjonali inċerta, il-fatti juru li din hija elezzjoni barra minn żmienha u mmexxija aktar minn kalkolu politiku milli minn bżonn nazzjonali reali.
Fil-fatt, l-isfidi ġeopolitiċi tal-gwerra, wara l-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju, se jkunu għadhom hemm. Abela kellu mandat ta’ sena oħra u seta’ faċilment żamm ir-riedni tal-pajjiż u tal-Gvern.
L-ewwel nett, hemm il-kwistjoni fundamentali taż-żmien. Din l-elezzjoni qed issir diversi xhur qabel ma jintemm il-mandat parlamentari attwali, li suppost jibqa’ għaddej sa Marzu tal-2027. Dan ifisser li l-Gvern qed jabbanduna l-mandat li ngħata mill-poplu għal ħames snin, mingħajr raġuni konkreta jew kriżi interna li tiġġustifika tali pass drastiku.
Minn perspettiva demokratika, dan iqajjem dubji dwar kemm il-Prim Ministru verament jirrispetta l-istabbiltà istituzzjonali tal-pajjiż u għalhekk mill-ġdid naraw l-importanza li pajjiżna jkollu ‘fixed-term elections’ bħalma propona Alex Borg ftit ġimgħat ilu.
Aktar minn hekk, hemm element ċar ta’ kontradizzjoni fil-pożizzjoni ta’ Robert Abela. Ftit xhur ilu biss, kien qal li elezzjoni bikrija ma kinetx fl-interess nazzjonali u li l-Gvern kellu jiffoka fuq it-twettiq tal-wegħdiet tiegħu. Id-Deputat Mexxej tiegħu stess, Alex Agius Saliba kkonferma fi tmiem il-ġimgħa li għadda li ma hemmx elezzjoni bikrija fil-pjanijiet tal-Labour, tentattivi maħsuba biex jiżbilanċjaw lill-Partit Nazzjonalista.
Issa, mingħajr bidla sostanzjali fil-kuntest politiku lokali, qed jagħmel eżattament l-oppost u dan juri nuqqas ta’ konsistenza u jsaħħaħ il-perċezzjoni li d-deċiżjonijiet tiegħu huma mmexxija minn opportuniżmu politiku aktar milli minn prinċipji ċari.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq li din l-inċertezza kienet qed tagħmel ħsara lill-pajjiż. Fil-fatt, il-Kap tal-PN Alex Borg kien diġà akkuża lil Abela li qed joħloq inċertezza għall-intrapriżi u għall-pubbliku billi jżomm lil kulħadd anzjuż dwar id-data tal-elezzjoni.
Issa li l-elezzjoni ssejħet, jidher ċar li din l-inċertezza kienet parti minn strateġija deliberata, li ħalliet impatt negattiv fuq l-ekonomija u fuq il-fiduċja tan-negozji.
Il-Partit Nazzjonalista kellu raġun. Barra minn hekk, il-mod kif tħabbret l-elezzjoni jqajjem aktar dubji. L-aħbar waslet permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, aktar milli permezz ta’ proċess istituzzjonali tradizzjonali. Dan juri stil ta’ tmexxija li qed jitbiegħed minn trasparenza u serjetà istituzzjonali, u jikkonferma li l-Prim Ministru jinteressah aktar mill-propganda personali milli mill-interess statali afdat lilu mill-poplu.
Hemm ukoll il-kwistjoni tal-prestazzjoni tal-Gvern. Minkejja li Abela jipprova jippreżenta lilu nnifsu bħala simbolu ta’ stabbiltà, il-verità hija li diversi wegħdiet elettorali għadhom ma twettqux, inkluż proġetti ambjentali importanti li għadhom imwaħħlin fil-fażi tal-ippjanar, dan biex ma nsemmix it-tgerfixa dwar it-trasport tal-massa li għal darb’oħra Clyde Caruana qiegħed jagħżel li jirrifjuta kontra kull argument tal-Ministru Bonnet.
Dan iqajjem mistoqsija leġittima: jekk il-Gvern ma rnexxilux iwettaq il-wegħdiet tiegħu fi żmien ħames snin, għaliex għandu jingħata mandat ġdid qabel itemm dak eżistenti? Għaliex il-Prim Ministru ma kienx kapaċi jwassal lill-pajjiż sal-baġit li jmiss li kellu jkun l-aqwa li qatt rat Malta? Għaliex issa, hekk bħallikieku hemm xi ħadd jiġri warajh? Jew hemm numru sostanzjali ta’ sfidi lokali li ġejjin fil-ġimgħat li ġejjin u li se jkunu qed itappnu u jħammġu r-reputazzjoni tal-Partit Laburista minħabba l-korruzzjoni li nfena fiha?

Il-poplu jixraqlu tmexxija serja
Mill-perspettiva tal-Partit Nazzjonalista, din l-elezzjoni mhijiex opportunità għal kontinwità, iżda pjuttost mument ta’ verità għall-poplu Malti u Għawdxi, nifs ġdid. Alex Borg enfasizza li l-pajjiż għandu jagħżel bejn il-Partit Laburista li jista’ joffri biss l-istess riċetta u l-Partit Nazzjonalista li jista’ u kapaċi jagħti direzzjoni ġdida li verament tpoġġi l-kwalità tal-ħajja tan-nies fil-qalba.
Il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hija waħda li tgħaqqad is-suċċess ekonomiku ma’ titjib reali fil-ħajja ta’ kuljum, mhux biss statistika pożittiva li ma tinħassx mill-familji.
Fl-aħħar mill-aħħar, elezzjoni bikrija għandha tkun ġustifikata minn ċirkostanzi straordinarji. F’dan il-każ, dawn iċ-ċirkostanzi ma jidhrux li jeżistu.
Minflok, jidher li Robert Abela qed jipprova jieħu vantaġġ minn mument politiku li jqis favorevoli għalih, anki jekk dan ifisser li jfixkel l-istabbiltà u joħloq inċertezza. Għalhekk, din l-elezzjoni hija barra minn żmienha mhux biss minħabba l-kalendarju, iżda wkoll minħabba l-mod kif u għaliex ġiet imsejħa.
Il-poplu Malti jixraqlu aktar minn deċiżjonijiet politiċi opportunistiċi. Jixraqlu tmexxija serja, konsistenti u ffukata fuq il-ġid komuni, u mhux fuq kalkoli elettorali ta’ mument, u din jista’ jiggarantixxiha l-Partit Nazzjonalista.

Kommess li nservi
Għal darb’oħra, se nkun kommess li nservi lill-Partit Nazzjonalista bħala kandidat għall-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju, bil-kandidatura tiegħi fuq l-ewwel (1) u t-tmien (8) distrtetti elettorali. Wara li servejt bħala Shadow Minister għall-edukazzjoni, ninsab ħerqan biex irressaq ’il quddiem dak li għandna lest għall-futur tal-edukazzjoni fil-manifest elettorali, proposti li huma msejsa sabiex isaħħu l-edukazzjoni ta’ wliedna u jinvestu bla preċedent fl-istudenti, fil-professjonisti li jaħdmu fil-qasam u fl-infrastruttura eżistenti imma wkolll f’dik aġġornata għaż-żminijiet li ġejjin.
Dan qiegħed nagħmlu, biex flimkien inkomplu.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 29 ta’ April, 2026.