Muad Mohamed Ali Algabae ta’ 32 sena kiser ordni ta’ protezzjoni mogħtija lilu nar id-19 ta’ April, kif ukoll kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest imposti fuqu mill-istess maġistrat.
Fl-24 ta’ April, l-allegata vittma rrapurtat lill-Unità tal-Vjolenza Domestika fejn stqarret li l-akkużat kien kiser ordni ta’ protezzjoni li nħarġet favuriha. L-ispettur stqarr li l-allegata vittma u l-akkużat kienu ilhom flimkien tliet snin u għandhom tifla flimkien.
Il-każ imur lura nhar it-23 ta’ April fit-8.30pm, hekk kif l-akkużat allegatament bagħat bukkett fjuri, ġugarell u kaxxa ċikkulatini lill-eks mara tiegħu minn fuq l-app Bolt.
L-arrest ma kienx ikkontestat min-naħa tad-diviża u Algabae wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Hekk kif id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, hi sostniet li Algabae ġie arrestat hekk kif mar jagħmel rapport kontra l-allegata vittma, u saħaq kif ħa jittieħdu passi kontriha dwar theddid. Id-difiża straħet fuq il-fatt li għaddew ġranet qabel ma ġie esegwit l-arrest, u ma jidhirx li bejn it-23 ta’ April u d-29 ta’ April, kien hemm xi kontinwazzjoni ta’ xi reat li ġie kommess.
Il-prosekuzzjoni stqarret li l-imputat u l-allegata vittma joqogħdu fl-istess triq, allura hemm biża’ kbira dwar l-intralċ tal-provi. Id-difiża oġġezzjonat għal dan, u qalet li kieku hemm biża’ dwar l-intralċ tal-provi, l-akkużat ma kienx jibgħat xufier tal-Bolt biex iwassal il-fjuri ġo l-istess triq.
Il-qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet, inklużi depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2000. Inħarġet ordni ta’ protezzjoni oħra favur l-allegata vittma.
L-Ispettur Christian Cauchi mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukati Nicholas Mifsud u Nicole Falzon dehru għall-imputat.
Il-Maġistrat tal-Għassa Leonard Caruana ppreseda fuq is-seduta.
//= $special ?>

