Sptar Ġenerali ġdid għal Għawdex. Ir-raba’ vapur. Il-Mużew t’Għawdex.
Dawn huma biss ftit mill-proġetti li Robert Abela ħalla fuq l-ixkaffa. U li l-Mexxej Laburista nesa milli jsemmi meta f’Ta’ Sannat kien qed jiftaħar kif kien propju Gvern Laburista illi kattar lill-gżira Għawdxija.
Dikjarazzjoni li skont l-Għawdxin hija kompletament realtà falza, hekk kif għadhom mingħajr sptar ġdid u bis-servizz second hand tal-vapur Nikolaus.
Abela saħanistra ftaħar bis-settur tas-saħħa f’Għawdex, mingħajr ma’ semma’ kif Għawdex għadu mingħajr Sptar Ġenerali ġdid; meta l-Gvern tajjar mal-400 miljun ewro lil Vitals u Steward.
F’intervista li kellu fil-gżira Għawdxija, Abela wassal numru ta’ proposti riċiklati; fosthom ix-xiri ta’ żewġ vapuri oħra. Mingħajr ma’ semma d-diffikutlajiet kbar illi qed jaffaċċjaw l-Għawdxin biex jaqsmu bejn Malta u Għawdex ta’ kuljum – tant li kien hemm drabi fl-aħħar xhur li persuni stqarrew illi kienu jaslu sa Ruma fil-ħin li għamlu sejrin lejn il-Gżira Għawdxija.
Intant, fost numru ta’ diskorsi li saru kien hemm dak tal-Kummissarju tal-Annimali u l-kandidat Laburista Fleur Abela. Fejn fost diversi attakki partiġġjani ma lissnet l-ebda kelma dwar is-settur tagħha – l-annimali.

Fl-istess attività, spikkat ukoll it-tgħanniqa tal-Ministru Anton Refalo lill-istess Abela – li poġġewh fuq quddiem. L-istess Ministru li qed jokkupa villa fil-Qala bla ma jħallas ebda kera.



