Żewġ irġiel intbagħtu l-ħabs wara li nstabu ħatja ta’ sensiela ta’ serqiet armati u vjolenti minn diversi lokalitajiet madwar Malta bejn Diċembru tal-2021 u Frar tal-2022.
Tyson Bugeja ġie kkundannat 13-il sena ħabs, filwaqt li David Joseph Bonnici kien ikkundannat disa’ snin priġunerija. Is-sentenza ngħatat mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wara li l-Qorti semgħet kif iż-żewġ irġiel kienu ssusspettati dwar serq minn ħwienet f’Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun, Għajn Dwieli u San Ġwann.
Fl-inċident ta’ Għajn Dwieli, il-kaxxiera sofriet ġrieħi ħfief b’konsegwenza tal-vjolenza użata waqt is-serqa.
Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li Tyson Bugeja kien il-moħħ wara l-operazzjoni fejn hu kien ċempel lil Bonnici biex jindikalu fejn ħa ssir is-serqa li jmiss. Il-Qorti kienet l-aktar kiefra fil-konfront ta’ Bugeja, fejn innutat li minkejja li ngħata diversi opportunitajiet u benefiċċji mill-qrati fil-passat, huwa għażel li jerġa’ jibda jisraq fi żmien xahar jew xahrejn biss.
Il-Maġistrat osservat li l-fedina penali “ikkulurita” tiegħu u l-fatt li qatt ma wera xewqa li jibdel ħajtu juru li dan il-bniedem “mhux postu fis-soċjetà.”
Bugeja nstab ħati wkoll li kien reċidiv u li kiser diversi ordnijiet tal-Qorti u digrieti tal-ħelsien mill-arrest. Minbarra s-sentenza ta’ ħabs, huwa ġie mmultat €116 u l-Qorti ordnat il-konfiska ta’ €1,000 mid-depożitu tiegħu u €3,000 mill-garanzija personali. Huwa ngħata wkoll sitt ijiem detenzjoni oħra talli kiser ordni ta’ probation li kienet inħarġet f’Ottubru tal-2021.
Minbarra dawn l-akkużi, Bugeja nstab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati f’Mejju tal-2025, fuq diversi reati marbuta ma’ episodji ta’ vjolenza domestika. Madankollu, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li tnaqqas is-sentenza originali ta’ tliet snin għal sentejn u nofs.
Dwar David Joseph Bonnici, il-Qorti nnutat li dan kien ilu maħkum mill-vizzju tad-droga u tax-xorb. Minkejja dan, huwa qatt ma wera interess li jegħleb dawn il-vizzji u rrifjuta li jagħti kampjuni għall-ittestjar meta mitlub.
Għalkemm Bonnici ammetta l-involviment tiegħu waqt l-interrogazzjoni mal-Pulizija, huwa kien għażel li jwieġeb mhux ħati fil-Qorti. Huwa ġie liberat minn tnejn mill-akkużi iżda nstab ħati tal-bqija, b’piena ta’ disa’ snin ħabs u multa ta’ €174.
Bħala parti mis-sentenza, il-Maġistrat ordnat liż-żewġ irġiel biex iħallsu €2,000 kull wieħed bħala kumpens lill-vittmi tas-serqiet tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti imponiet projbizzjoni fuq l-imputati milli jkollhom liċenzja tal-arma għall-perjodu ta’ 30 sena.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia.
//= $special ?>

