Lokali

Abela jibqa’ jattakka lill-PN: Ma jindirizzax id-dikjarazzjoni ta’ Clyde Caruana dwar is-sussidji

Ritratt: Martin Agius

Robert Abela qed jibqa’ jattakka lill-Partit Nazzjonalista dwar il-politika tas-sussidji mingħajr ma konvenjentament semma’ d-diverġenza li għandhom id-deputati tiegħu dwar il-politika tas-sussidji.

Fil-fatt, waqt diskussjoni li kellu fil-Birgu, Robert Abela kompla jattakka lill-Partit Nazzjonalista u ma lissen l-ebda kelma dwar dak li kien tenna l-Ministru tiegħu Clyde Caruana dwar is-sussidji tal-enerġija – u cioè li “they are not meant to be there forever”.

Lanqas ma’ semma d-diverġenza li hemm dwar il-politika tas-sussidji fost id-deputati tiegħu. Hekk kif, kien propju l-Erbgħa meta l-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi u anke l-backbencher Amanda Spiteri Grech ma qablu xejn dwar dak li qal Caruana. Hekk kif, Zrinzo Azzopardi ta x’jifhem li jaqbel xejn ma’ Caruana u li s-sussidji mhux għal dejjem. U Spiteri Grech meriet għal kollox dak li qal Clyde Caruana.

Madanakollu, waqt din id-diskussjoni Robert Abela kompla jiftaħar bil-proposti riċiklati fejn tidħol l-enerġija rinovabbli u anke baqa’ jiftaħar bit-tieni u t-tielet interconnector.

Dan meta l-unika interconnector li huwa komplut huwa dak li kien għamel Gvern Nazzjonalista, it-tieni interconnector kellu jitlesta sal-2026 u issa Abela qed jgħid li se jlestih fl-aħħar ta’ din is-sena u mingħajr ma ta data dwar meta se jkun qed jibda x-xogħol fuq it-tielet interconnector.

Robert Abela ma ddikjarax lanqas meta se jkun qed jippubblika l-ftehim dwar is-supply tal-gass tal-LNG, fejn iddikjara li d-diskussjonijiet għaddejin – madwar tliet xhur qabel ma għandu jiskadi l-ftehim bejn il-Gvern u l-kumpanija li tissuplixxi lill-pajjiżna bl-LNG.

Fil-Birgu, dwew kliem bħal “Malta l-ewwel u qabel kollox”, u analoġiji mal-Perit Mintoff.