Qorti

Arrestat wara serq minn kumpanija tal-kiri tal-karozzi

Raġel ta’ 45 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-qorti akkużat b’serq aggravat u ingann minn kumpanija tal-kiri tal-karozzi fil-Gudja.

Skont il-prosekuzzjoni, klijenta li marret tikri karozza kellha tħallas depożitu ta’ €1,300, iżda minħabba limitu fuq il-card tagħha, ħallset €500 bil-card u €800 f’cash, kif allegatament talabha l-akkużat. Huwa ma ħariġx rċevuta u allegatament żamm il-flus għalih.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-flus intefqu u li nstabu wkoll tranżazzjonijiet suspettużi oħra fil-kumpanija.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni opponiet, għaliex l-akkużat m’għandux rabtiet stabbli f’Malta u jista’ jaħrab.

Il-qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li jibqa’ miżmum arrestat.