Lokali

“Flimkien nagħtu nifs ġdid lil pajjiżna u niktbu kapitlu sabiħ għal Malta u Għawdex” – Alex Borg

“Gvern ġdid Nazzjonalista jassigura li l-poplu Malti u Għawdxi kollu jiġi offrut servizzi tas-saħħa tal-aqwa kwalita.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’laqgħa li kellu mal-Kandidati tad-9 distrett waqt attività politika li saret fil-Għargħur proprju fit-tielet jum ta’ kampanja elettorali. Il-kandidati li se jkunu qed jikkontestaw fuq dan id-distrett huma:

  • Graziella Attard Previ
  • Graham Bencini
  • Eve Borg Bonello
  • Albert Buttigieg
  • Dr. Beppe Fenech Adami
  • Marilena Gauci
  • Dr. Joseph Gilio
  • Dr. Jonathan Muscat
  • Noel Muscat
  • Alex Perici Calascione
  • Charles Selvaggi
  • Julie Zahra

Fil-Għargħur il-Kap tal-Partit Nazzjonalista beda billi rringrazzja lil dawk kollha preżenti u b’mod partikolari lill-kandidati li qed jitfgħu isimhom għas-servizz tal-pajjiż.

Alex Borg enfasizza s-sbuħija tal-politika meta din tkun verament iffukata fuq in-nies u s-servizz tagħhom. Huwa faħħar l-impenn tal-kandidati u ħeġġiġhom biex isaħħu l-preżenza tagħhom fost in-nies, iħabbtu l-bibien, jispjegawlhom il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista u fuq kollox jagħtihom widen. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ qrib in-nies mhux biss waqt il-kampanja, iżda anke proprju mill-għada tal-elezzjoni.

Fost il-proposti li ħabbar fl-aħħar jiem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma kif gvern ġdid Nazzjonalista iżid l-stipendji tal-istudenti b’25% – xi ħaġa li turu l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li l-edukazzjoni tkun tassew prijorita. Apparti minn hekk fakkar miżuri speċjali għal dawk li jistudjaw fil-qasam tas-saħħa u x-xjenzi, bi stipendju li jista’ jilħaq madwar €1,000 fix-xahar. Fakkar ukoll kif Gvern Ġdid Nazzjonalista jinċentiva lil dawk il-persuni li jaħdmu fis-settur tas-saħħa barra minn Malta sabiex jiġi lura f’pajjiżna u jużaw it-talent tagħhom. Dan billi fl-ewwel ħames snin ta’ ħidma tagħhom tagħhom f’Malta ma tinqatalhomx taxxa. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar il-proposta ta’ 4 sptarijiet ġodda, in-national health park, l-estensjonita’ Mater Dei kif ukoll it-tiġdid tal-Paola Hub. Semma wkoll il-proposta bl-isem fit4life fejn żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-25 sena li għandhom għal qalbhom l-isport jingħataw grant ta’ 300 ewro li bih ikunu jistgħu jixtru smart watch li se jgħinhom sabiex iżommu track tal-eżerċizzju tagħhom.

Il-qasam tas-saħħa kien punt ċentrali fid-diskors tiegħu. Semma l-isfidi diffiċli li qed jaffaċjaw persuni li jiġu bżonn is-servizz fl-emerġenza. U saħaq li l-politika tal-Partit Nazzjonalista hija ffukata fuqhom biex dawn l-affarjiet taħt Gvern Nazzjonalista ikunu totalment rikordju tal-passat. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg saħaq li Gvern immexxi minnu jieħu ħsieb lill-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tas-saħħa għax huma n-nies li jieħdu ħsieb lill-poplu Malti u Għawdxi fil-mument li jiġi bżonn tali servizzi.

Fit-tieni parti tad-diskors, il-Kap tal-PN dar għall-kritika tal-Gvern, fejn akkużah li qed jabbuża mir-riżorsi pubbliċi għall-propaganda u li ma jagħmilx distinzjoni bejn partit u stat. Huwa sostna li dan qed isir biex iżomm il-poter, iżda qal li l-Partit Nazzjonalista għandu arma qawwija: l-enerġija, id-determinazzjoni u n-nies.

Huwa sejjaħ lill-partitarji biex ikunu parti attiva mill-kampanja, ixerrdu l-messaġġ ta’ “nifs ġdid” u jikkonvinċu lil xulxin sabiex fit-30 ta’ Mejju jagħmlu għażla li tieħu lill-pajjiż fid-direzzjoni li jistħoqqlu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr kif Robert Abela qed juża r-riżorsi tal-Gvern biex isaħħaħ il-partit u jżomm is-siġġu tal-poter. TSemma wkoll kif bħalissa għaddejjin Attakki kordinati li għaddejjin mill-midja Laburista fuqu u d-deputati tal-Partit Nazzjonalista proprju għax iridu jaraw kif lin-nies se jdawwrulhom il-ħsieb permezz ta’ din il-kampanja ta’ miżinformazzjoni.

Alex Borg temm jisħaq, “jiena kont ċert li kien se jkollna elezzjoni – għax għandna Partit Nazzjonalista li ma’ kull jum qed ikompli jissaħħaħ u min-naħa l-oħra l-Partit Laburista ħaseb li se jsibna fuq sieq waħda . Aħna determinati li nagħtu nifs ġdid lil dan il-pajjiż sabiex nieħduh fid-direzzjoni li tant jistħoqqlu u sabiex flimkien niktbu kapitlu sabiħ għal Malta u Għawdex.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm id-diskors tiegħu b’messaġġ ta’ għaqda u tama, fejn sostna li fil-kollettiv hemm is-saħħa u li flimkien jistgħu jagħtu direzzjoni ġdida lill-pajjiż.