Lokali

Gvern Laburista ħalla legat ta’ wegħdi mhux imwettqa fis-saħħa

Il-Partit Nazzjonalista jitkellem dwar il-wegħdi li ma wettaqx il-Gvern Laburista fis-saħħa

Lista sħiħa ta’ wegħdi li Gvern Laburista ma wettaqx fis-saħħa.

Legat sħiħ ta’ wegħdi li ma twettqux – l-isptar tas-saħħa mentali, l-Emerġenza, iċ-Ċentru tat-Tramuntana, il-Mother and Baby Hospital, l-Outpatients il-ġdid, St Luke’s, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex – kollha baqgħu fuq l-ixkaffa.

Dan apparti l-wegħdi li saru nofs leħja bħall-iscreening tal-kanċer tas-sider għal dawk taħt il-45 sena, it-Triple A Screening għall-anzjani, il-fond għal mediċina ġdida tal-kanċer li ma ġiex implimentat fis-sħiħ, it-tisħiħ tal-GU Clinic u l-ftehim kollettiv il-ġdid għall-ħaddiem tas-settur tas-saħħa li baqa’ staġnat.

Dan mhux il-mod kif Gvern li jieħu ħsiebek jagħti prijorità lis-saħħa tiegħek.

Waqt konferenza tal-aħbarijet, il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Ian Vassallo u Adrian Delia spjegaw kif il-Gvern Laburista ħela 13-il sena minflok ma investa bis-serjetà fis-saħħa tan-nies.

Il-Partit Nazzjonalista qed juri kif għandu viżjoni ċara għas-saħħa – pjan biex in-nies isibu mhux biss servizzi tas-saħħa ta’ eċċellenza qrib tagħhom, u fi żmien adegwat, imma jsibu wkoll Park Nazzjonali tas-Saħħa li jgħin fil-prevenzjoni u fir-riabilitazzjoni.

Lill-pazjenti tal-kanċer, il-Partit Nazzjonalista mhux se jħallihom jittallbu, u lill-ħadiema fil-qasam tas-saħħa se jagħtihom il-kundizzjonijiet li jixirqilhom.

In-nuqqas ta’ viżjoni tal-Gvern Laburista wassal mhux biss biex inħlew €900 miljun imma nħlew ukoll 13-il sena li setgħu ntużaw biex tjiebu s-servizzi u jitnaqqas il-ħin ta’ stennija għall-pazjenti.

Fis-saħħa ma nistgħux inkunu xħaħ.

Għall-Partit Nazzjonalista, is-saħħa mhijiex slogan. Is-saħħa dejjem kienet, għadha u se tibqa’ prijorità għall-Partit Nazzjonalista u fil-gvern se jiżgura li s-saħħa tiegħek terġa’ tingħata l-importanza li jixraqlek.