Internazzjonali

Il-Mexxej Suprem Iranjan jisfida lill-Istati Uniti dwar is-sitwazzjoni ta’ Hormuz

 

 

Fl-aħħar sigħat ħarġet stqarrija rari u sinifikattiva minn Mojtaba Khamenei, li ilu Mexxej Suprem tal-Iran mindu, fit-28 ta’ Frar, l-eks-Ayatollah Iranjan, Ali Khamenei – missier Mojtaba — spiċċa maqtul fl-ewwel fażi tal-offensiva fuq pajjiżu mill-militar tal-Istati Uniti u Iżrael.

L-istqarrija hi sfida diretta lill-Istati Uniti, b’Mojtaba Khamenei isostni li pajjiżu ‘għandu jelimina l-kapaċitajiet tal-għadu biex iwettaq l-abbużi fir-Rotta ta’ Hormuz’….Zona ta’ baħar minfejn jgħaddu mal-20 fil-mija tal-kunsinni taż-żejt destinati għall-pajjiżi tad-dinja.

Dan ukoll meta l-Iran, fi kliem Mojtaba Khamenei, għandu jħares u jiddefendi dejjemil-programmi nukleari u għall-iżvilupp tal-missili li jridu jeliminaw l-Amerikani.

L-istqarrijiet minn Mojtaba, sallum, kienu rari ħafna, iżda hu, issa, faħħar ‘il-kontroll ta’ pajjiżu’ fuq il-moviment tal-bastimenti fl-ibħra ta’ Hormuz.

L-istqarrija rreferiet ukoll ‘għat-telfa u umiljazzjoni tal-Istati Uniti’ f’din il-gwerra, b’Mojtaba jinsisti li ‘din hi l-verità minkejja li l-Amerikani qegħdin jużaw il-qawwiet kollha għad-dispożizzjoni tagħhom fil-konflitt.’

Fl-istess ħin, l-Ayatollah ġdid tal-Iran sostna li qed jinfetaħ kapitlu ġdid għar-Rotta ta’ Hormuz u, daqstant ieħor, għall-Golf Persjan.

L-Iran, skont l-Ayatollah, se jirnexxilu jkeċċi lill-bastimenti tal-gwerra tal-Amerikani mill-Golf u meta n-Navy tal-Istati Uniti, bħalissa,  qed imexxi ‘blockade’ biex jevita t-trasport tal-kunsinni taż-żejt esportati mill-Iran. Dan meta Mojtaba qal ukoll li ‘l-amministrazzjoni tal-Iranjani fuq Hormuz, ‘il quddiem, għandha tfisser progress għall-Istati kollha tal-Golf’.

L-Iran, illum, mistenni li jirranka wkoll il-programmi nukleari tiegħu b’riżultat tal-gwerra mal-Istati Uniti.

Fil-fatt, Khamenei sostna li pajjiżu għandu jiżviluppa l-kapaċitajiet nukleari tiegħu fil-ġimgħat li ġejjin — fost indikazzjonijiet li l-programmi se jinkludu anki impenji lejn il-produzzjoni ta’ missili għal fuq id-distanzi twal u li kapaċi jġorru l-warheads nukleari…Xi ħaġa li l-Iran għadu ma ammettiex dwarha b’mod formali.

Sadanittant, l-Ayatollah l-ġdid tal-Iran għadu ma deherx fil-pubbliku mindu hu laħaq Mexxej Suprem ta’ pajjiżu.

Ir-rapporti suġġerew li hu kien spiċċa midrub serjament waqt l-attakki mill-ajru fuq Teheran li qatlu lil missieru u meta mhux eskluż li hu jinsab f’lokalità sigrieta fil-kapitali fejn qed ikun trattat għall-ġrieħi serji.