Ir-Re Charles tal-Ingilterra waqt diskors imqanqal lill-Kungress ta’ Washington, sostna, fost l-oħrajn, li ladarba ir-Renju Unit u l-Istati Uniti — alleati kbar tradizzjonali – jaħdmu u jikkooperaw flimkien, huma kapaċi jkunu forza favur is-sewwa u l-ideal demokratiku.
Alleanza li tixpruna wkoll stabbilità fuq livell internazzjonali.
Ir-Re enfasizza l-importanza tal-alleanza militari li eżistiet għal snin sħaħ bejn pajjiżu u l-Istati Uniti; bid-diskors jintlaqa’ b’applawż kbir minn kull rokna tal-Kungress, fost l-apprezzament tal-membri Repubblikani u d-Demokratiċi preżenti.
Id-diskors kien marbut mal-250 anniversarju tad-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Istati Uniti; l-akbar potenza fid-dinja u li darba kienet kolonja taħt is-sovranità tal-Kuruna Britannika.
Ir-Re tal-Ingilterra kien ukoll il-mistieden speċjali waqt pranzju Statali fil-White House, fejn il-President Amerikan, Donald Trump, mill-ġdid indirizza l-kwistjoni tal-Iran.
Hu insista, fost l-oħrajn, li r-Re Charles jemmen illi l-Iran ma jista’ qatt ikun fil-pussess ta’ arma nukleari. Il-President, fil-fatt, tenna li r-Re jaqbel ma’ dan il-knnċett …saħansitra aktar minnu.
Trump ikkummenta wkoll li l-Iran sofra disfatta militari fil-konflitt mal-Istati Uniit – mingħajr ma hu issostanzja kliemu fid-dettall.
ll-Gvern tar-Renju Unit, intant, qed jiddistakka ruħu xi ftit mill-kummenti ta’ Trump li setgħu qiegħdu lir-Re f’pożizzjoni xi ftit skomda.
U l-uffiċjali tar-Renju Unit ħarġu stqarrija meqjusa u pjuttost newtrali fiċ-ċirkustanzi, fejn qalu li r-Re huwa konxju mill-politika tal-Gvern Britanniku li topponi it-tisħiħ ta’ materjal nukleari min-naħa tal-Iran.
//= $special ?>

