Lokali Mużika

It-13-il edizzjoni ta’ Rock the South

Noel D’Anastas

It-13-il edizzjoni ta’ Rock the South, wieħed mill-aktar avveniment mistenni fix-xena ta’ mużika alternattiva, se jittella’ fiż-Zion Bar & Restaurant bejn l-1 u 3 ta’ Mejju, tlett ijiem ta’ mużika live bi programm imħejji għal din l-edizzjoni jitqies bħala akbar mis-snin preċidenti li jkompli jżid ir-reputazzjoni għolja li bena dan il-festival matul is-snin.

Din is-sena, Rock the South Malta se jwasslulna lineup eklettiku ta’ artisti lokali u internazzjonali li se jdoqqu fuq żewġ stages prinċipali. Wara li jintemm id-daqq tal-bands u l-artisti, l-enerġija tkompli b’silent disco mmexxija minn White Noise Malta.

Il-festival jibda nhar il-Ġimgħa, l-1 ta’ Mejju bl-ewwel preżentazzjoni tkun fl-4.30pm. Matul dik l-ewwel lejla, se jdoqqu Brodu, Danjeli, u Dwejn (b’membri minn Djun), flimkien ma’ David Schembri, Aidan Somers, Bee, Sad Pancake, u JOB (DJ). Il-lejl ikompli b’ħoss elettroniku minn Lithium u DJ Bob fis-silent disco.

Is-Sibt, l-attrazzjoni se tinkludi lil Brikkuni, Michael Azzopardi u l-Klieb tal-Wulf, flimkien ma’ bands oħra bħal Beesqueeze, Skimmed, Areola Treat, u l-band Taljana Bedroom Horse. L-enerġija tkompli aktar tard minn Motherknives, Mauve, u Views, segwiti minn I.YOU. L-avveniment tas-Sibt jibda fil-5pm.

Il-Ħadd, l-aħħar jum ta’ Rock the South  jibda fis-1pm u se jinkludi element aktar tqil f’xenarju ta’ mużika heavy u punk b’lineup li tinkludi l-band veteran tad-doom metal Forsaken, flimkien ma’ BNI, Dripht, Knockturn Alley li reġgħu nagħqdu f’dawn l-aħħar ġimgħat, u BILA. Mill-Ġermanja ġejja l-band Fotokiller. Se jdoqqu wkoll Haine, Five Years From Now, Kodin Hill N’ The Pressed Pills, Double Standard, NoHumano, Grotium, Viper Soup Complex, Bruda, u Myles li jagħlqu din l-edizzjoni.

Lil hinn mill-mużika, l-atmosfera se tkun imsaħħa b’viżwali mill-artist Samwel Mallia.

Il-biljetti għal tlett ijiem sħaħ, kif ukoll għal ġranet individwali diġà huma disponibbli b’offerti ta’ early bird li huma limitati. Dawn jinxtraw minn  https://shop.trackagescheme.com/event/rock-south-2026/

Rock the South ha wieħed mill-avvenimenti fil-kalendarju ta’ Rock’n Malta b’appoġġ minn Festivals Malta.