Dione Borg
Kandidat PN
Ħdax-il Distrett
Bħala kandidat tal-PN fuq il-11-il distrett (Ħ‘Attard-Mosta) qed inżur kemm nista’ familji u persuni f’dawn iż-żewġ lokalitajiet biex niltaqa’ magħhom, insir nafhom u wkoll nisma’ l-esperjenzi tagħhom.
L-esperjenzi li tikseb meta tiltaqa’ man-nies hi xi ħaġa li tiswa biex tifhem aħjar xi tfisser il-politika għan-nies. F’ħafna okkażjonijiet, l-issues tan-nies ma jkunux dawk ewlenin li jkunu qed jitkellmu dwarhom il-politiċi fl-arena politika iżda jkunu issues li jolqtuhom direttament.
Burokrazija biex jinkisbu servizzi
Omm qaltli li kienet inkwetata ħafna għaliex qed tara li ma tistax toħroġ taħdem għaliex trid tieħu ħsieb lit-tifla tagħha li għandha problemi ta’ saħħa. Tifla li ftit tikkomunika tant li xi darba jew tnejn biss lissnet il-kelma ‘ma’. Lil din l-omm staqsejtha dwar l-għajnuna li tingħata iżda t-tweġiba tagħha kienet li hemm wisq burokazija biex l-għajnuna li l-gvern jitkellem dwarha verament tasal għand din il-familja. Fil-fatt din l-omma kważi qatgħet qalba li tibqa’ tipprova tikseb iktar għajnuna għaliex qed issibha diffiċli wisq biex tmur minn dipartiment għall-ieħor jew minn taqsima għall-oħra biex tikseb l-għajnuna. Problema li għandha din il-familja hi li meta l-LSE li tassisti lit-tifla ma tkunx tista’ tmur l-iskola, it-tifla tintbagħat id-dar. Għalhekk l-omm ma’ tistax toħroġ taħdem għaliex trid tkun dejjem disposta għal bintha. Din l-omm tixtieq li jkun hemm iktar aċċessibbiltà għas-servizzi li qed jingħataw u li dawn ikunu qed jingħataw minn post wieħed u mhux minn diversi postijiet.
Kompetizzjoni inġusta għal impjiegi
Mara tilmenta li qed issib problema biex issib impjieg b’paga diċenti għaliex hemm kompetizzjoni inġusta ma’ ħaddiema barranin li qed jaċċettaw pagi u kundizzjonijiet inferjuri għal dawk tal-ħaddiema Maltin. Din il-mara ssostni li mhuwiex vijabbli għaliha li tmur taħdem għaliex il-pagi u l-kundizzjonijiet offruti m’humiex biżżejjed biex hi ttejjb il-kwalità tal-ħajja tagħha u tal-familja tagħha.
3.Bankini ta’ kwalità
infejruri – perikli
għall-anzjani
Anzjana laqgħetni bi tbenġil f’wiċċha u jdejha u meta staqsejtha x’ġaralha qaltli li kienet waqgħet fuq il-bankina għaliex mhijiex ta’ kwalità u weħlitilha saqaha ma’ ħafora fil-bankina. Għadha tbati l-konsegwenzi anzi tirringrazzja llil Alla li ma ġitiex agħar. Din il-probema tal-kwalità u d-diżlivelli fil-bankini hi problema ewlenija mal-anzjani. Ħafna anzjani jilmentaw li qed ikun dejjem iktar diffiċli għalihom li joħorġu anki minħabba li quddiem il-garaxxijiet, il-bankini ma jibqgħux fl-istess livell u jinżlu biex jitilgħu l-karozzi. Dan jagħmilha diffiċli biex l-anzjani jimxu fuq il-bankini u joħloq ukoll diffikultajiet biex l-anzjani fil-wheelchairs jgħaddu minn fuq dawn il-bankini.
Bini esaġerat
Ħafna huma l-familji li jilmentaw mill-kwantità ta’ bini esaġerat qed jitla’ biswit id-djar tagħhom. Ħafna kienu l-familji li huma mbeżża’ f’darhom stess minħabba perikli li jistgħu jinħolqu u kellhom anki jirrikorru għand periti u avukati tagħhom biex jassiguraw li d-drittjiet u s-sigurtà tagħhom ikunu mħarsa. Omm fil-Mosta urietni l-kċina mdallma li llum għandha u qaltli li qabel din kienet kamra mimlja dawl iżda llum trid bilfors tixgħel għax il-blokka li telgħet quddiemha għattiet ix-xemx għal kollox.
Il-bidla
Ħafna familji jitkellmu fuq il-bżonn tal-bidla iżda jridu iktar fiduċja li din tista’ titwettaq. Huma lesti li jkunu fuq quddiem biex titwettaq il-bidla u ma jistgħux jifhmu kif għad hawn ħafna li ma jirrealizzawx il-bżonn li ssir din il-bidla. Ħafna qed jistennew il-programm elettroali tal-PN biex fih jaraw il-proposti konkreti li l-PN se jkun qed jipproponi. Il-proposti li l-PN diġà ħabbar intlaqgħu tajjeb iżda l-progrmm elettorali għandu jkun il-viżjoni ħolistka tal-PN għall-futur; in-nies qed jistennewh u jitkellmu dwaru.
Futur għall-familja
Missier ta’ familja qalli li hu jrid jara l-istampa ħolistika tal-pajjiż u mhux dik tal-familja tiegħu biss. Għalih u għall-mara tiegħu, il-futur tat-tifel tagħhom hu kollox u allura ma jridx jara l-ambjent jitkisser jew l-edukazzjoni ma tibqax ta‘ kwalità. Kien kumment fuq livell nazzjonali li fih din il-familja sostniet li l-familji għandhom jikkunsidraw l-aspett nazzjonali għaliex finalment huma qed jgħixu f’pajjż u mhux iżolati weħidhom.
Il-prezz tal-propjetà
Koppja żagħżugħa b’tarbija ilmentat fuq kemm hu diffiċli li jixtru l-propjetà li huma xtaqu u għalhekk kellhom jikkuntentaw b’post pjuttost żgħir li mhuwiex dak li huma mmiraw għalih.
Din il-koppja sostnew li huma jaħdmu t-tnejn iżda xorta hu impossibbli għalihom li jixtru d-dar li huma jixtiequ. Qed jistennew li fil-futur ikun hemm soluzzjoni għal din il-problema.
Traffiku
It-traffiku jibqa’ ilment fuq fomm ħafna minn dawk li titkellem magħhom.
Raġel li jgħix waħdu kellimni fil-garaxx fejn kien u qalli li llum minkejja li għadu jista’ jsuq, ftit joħroġ bil-karozza għaliex it-traffiku hu inkonvinjent għalih. Għalhekk ftit joħroġ mid-dar u l-karozza ftit li xejn jużaha ħlief biex imur għand uliedu.
Dewmien għall-operazzjonijiet
Anzjan spjegali li kien ilu jistenna wisq biex jagħmel operazzjoni f’waħda minn saqajh u li dan id-dewmien wasslu biex imur jagħmilha fil-privatt u jħallas €700.
Qalli li hu seta’ jħallas dan l-ammont iżda x’se jsir fil-każ ta’ anzjani oħra li ma jistgħux iħallsu dawn l-ammont biex jagħmlu operazzjoni.
Impenn trejdunjonistiku
Raġel ta’ 90 sena qalli li hu kien fuq quddiem l-istrajk tat-Telemalta fis-sebgħinijiet u tkellem b’passjoni fuq il-ħidma li kien iwettaq fis-CMTU.
Spjegali kemm kien diffiċli li tikkonfornta lill-Gvern Laburista ta’ Mintoff u kemm għadda minn diffikultajiet biex irnexxielu jikkonvċini lil sħabu jwettqu l-azzjoni u jattendu għal rally li kien organizzat.
Diskriminazzjoni
Missier ta’ familja, illum anzjan, irrakkontali dwar it-transfers li kien jaqla’ fi żmien Gvern Laburista fl-impjieg tiegħu mal-Gvern.
Qalli kemm bata’ meta kien trasferit għal xogħol li fih kien jiġbor l-iskart f’Tas-Sliema u kif dan kien kissru mentalment għalkemm xorta baqa’ jagħmlu sakemm ma baqax jagħmel dak ix-xogħol.
Qalli li kien diffiċli għalih imur bil-karretta u li b’sens ta’ sfida kien imur għax-xogħol bil-ġlekk. Il-mara tiegħu qaltli li l-familja kollha baqgħet hemm miegħu f’dawk iż-żminijiet diffiċli iżda tħoss li magħhom ma saritx ġustizzja.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 26 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

