Angelo Micallef
Sa fl-aħħar, l-inċertezza dwar jekk pajjiżna hux se jkollu elezzjoni bikrija jew le issa ntemmet…. U għal darb’oħra, Gvern Laburista ma wasalx sa tmiem il-mandat tiegħu u spiċċa sabiex sejjaħ elezzjoni bikrija.
Fit-30 ta’ Mejju aħna lkoll imsejħa sabiex nagħmlu għażla. Għażla dwar il-futur ta’ pajjiżna; għażla dwar fejn irridu nieħdu lil pajjiżna; għażla dwar jekk nixtiequx li nkomplu mixjin b’mod li ilna mixjin fih dawn l-aħħar tlettax-il sena jew jekk nemmnux li wasal iż-żmien għal bidla u għal nifs ġdid.
Sa mill-ewwel sigħat ta’ din il-kampanja elettorali qed toħroġ ċara d-differenza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista… Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg li qiegħed joffri lil pajjiżna t-tama ta’ nifs ġdid…Partit Nazzjonalista bi programm politiku ambizzjuż, enerġetiku u olistiku li joffri lil pajjiżna tama ġdida u ċ-ċans li, sa fl-aħħar, numru dejjem jikber ta’ sfidi jibdew ikunu indirizzati bis-serjetà.
Partit Nazzjonalista li qiegħed joffri s-soluzzjonijiet. Li jifhem li pajjiżna jixraqlu ambjent aħjar, li jifhem li pajjiżna jeħtieġ Gvern li huwa sensittiv għall-isfida tal-għoli tal-ħajja u li lest biex jindirizzaha. Partit Nazzjonalista li jaf li t-tkabbir ekonomiku jiġi minn pjan ekonomiku li joffri lil pajjiżna niċeċ ekonomiċi ġodda u mhux bit-tkomplija tal-politika li twassal għall-over population u l-isfidi kollha li din ġġib magħha.
Għażla favur il-PN
L-għażla għandha tmur fuq Partit Nazzjonalista li jifhem li l-familji għandhom bżonn l-appoġġ u mhux aktar piżijiet. Partit Nazzjonalista li għandu politika mibnija min-nies għan-nies. Partit Nazzjonalista li jifhem li fejn tidħol is-saħħa m’hemmx kuluri partiġġjani imma interess nazzjonali li jsir investiment mill-Gvern u jkun pjan serju u fattibbli.
Mhux ta’ b’xejn li ma’ kull jum li jgħaddi, aktar nies qegħdin joqorbu lejn il-Partit Nazzjonalista.
Mhux ta’ b’xejn li anki n-nies li qatt ma ħasbu li xi darba se jingħaqdu mal-familja Nazzjonalista qegħdin isibu fil-PN dak is-sens ta’ nifs ġdid li pajjiżna tant għandu bżonn – u b’mod iddisprat. Mhux ta’ b’xejn li fil-house visits jinħass b’mod ċar dak is-sens ta’ entużjażmu tan-nies.
Il-Laburisti jridu jibqgħu ggranfati mal-poter
Naturalment din hija triq twila u ta’ sfida kbira.
Il-gvern Laburista ser juża kull mezz għad-dispożizzjoni tiegħu (morali jew le) biex jipprova jibqa’ ggranfat mal-poter.
Gvern Laburista li għalih, il-poter jiġi l-ewwel u qabel kollox.
U f’dan ix-xenarju, il-Partit Nazzjonalista se jkollu jissielet ma’ mewġ kbir u ma’ power of incumbency sinifikanti. Madankollu, m’hemm l-ebda raġuni għaliex m’għandniex inkunu fiduċjużi u kuraġġużi. Jekk tassew nemmnu li bħala partit nistgħu noffru lil pajjiżna n-nifs ġdid, lil għandu bżonn, l-ebda mewġ qalil m’għandu jaqtgħalna qalbna.
Naturalment, il-kampanja, issa, tinstab għaddejja b’ritmu mgħaġġel. Għada lkoll imsejħa sabiex inwieġbu l-istedina tal-Partit Nazzjonalista u ningħaqdu għal mass rally biswit it-torri f’Ħal Lija. Mass Rally li fih nuru l-appoġġ tagħna għal politika ġdida f’pajjiżna; li nuru l-appoġġ tagħna għal viżjoni politika tal-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg… Mass Rally li jiċċelebra jum importanti; f’dan il-każ jum il-ħaddiem fl-aktar sens wiesgħa tal-kelma ‘ħaddiem’.
Mingħajr dubju ta’ xejn għad fadal ħafna paġni x’jinkitbu sat-30 ta’ Mejju, imma l-jum għandu jasal qabel lanqas biss nintebħu.
Il-jum li fih bħala poplu se nkunu msejħa sabiex nagħmlu għażla. F’dak il-jum il-mazz la huwa f’idejn Robert Abela u lanqas f’idejn Alex Borg; dakinhar il-mazz huwa f’idejna bħala ċittadini ta’ dan il-pajjiż. Għandi fiduċja li bħala poplu se nużaw l-opportunità b’mod għaqli sabiex pajjiżna, sa fl-aħħar, ikollu l-gvern li jixraqlu.
Sa dak il-jum inwiegħed li nibqa’ naħdem qatigħ għal dak li nemmen li huwa sewwa u ġust.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 30 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

