Opinjoni

Opinjoni: Tkabbir tal-popolazzjoni b’żieda fl-immigranti

Skont proġetazzjoni tal-eurostat il-popolazzjoni ta’ Malta fl-2100 hi mistennija tilħaq 723,710 minn 574,250 – żieda ta’ 149,460

Joe M. Zahra
Eks Editur u Opinjonista

Bejn l-2025 u l- 2099 hu proġettat li f’Malta jkun hemm tnaqqis naturali kumulattiv tal-popolazzjoni Maltija ta’ 242,790. Min-naħa l-oħra l-immigrazzjoni netta kumulattiva se tiżdied bi 392,160. Ċifra li tħalli żieda fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna ta’ 149,460. Filwaqt li l-popolazzjoni ta’ pajjiżna u ta’ ħames pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea ser tiżdied dik tal-UE hi proġettata li tonqos minn 451.8 miljun fl-2025 għal 398.8 miljun fl-2100.
Filwaqt li nemmen li ċ-ċifra proġettata dwar il-popolazzjoni ta’ Malta fl-2100 tintlaħaq u tiġi ssuperata ħafna snin qabel, ix-xitwa demografika li issa ilha tolqot l-Ewropa mistennija tiggrava matul is-snin li ġejjin bil-popolazzjoni tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea mistennija tonqos b’53 miljun persuna. Il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea mistennija juru tnaqqis fil-popolazzjoni bl-eċezzjoni ta’ Malta, Svezja, Lussimburgu, Ċipru, Irlanda u Danimarka. Fil-każ tagħna ż-żieda fil-popolazzjoni se tiġi mill-immigrazzjoni – iktar barranin – għaliex il-popolazzjoni lokali ser tkompli tonqos. Sal-2029 il-popolazzjoni tal-UE hi stmata li ser tiżdied xi ftit u tilħaq l-ogħla punta tagħha b’453.3 miljun – jew żieda żgħira ta’ 1.5 miljun. Minn hemm tibda n-niżla. Il-Ġermanja, minkejja li ser tibqa’ l-ikbar nazzjon fl-UE, hu proġettat li l-popolazzjoni tagħha tonqos minn 83.6 miljun għal 74.7 miljun sal-2100.

Il-bilanċ bejn l-immigrazzjoni u l-emigrazzjoni
Impatt speċjali fuq il-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea ser ikompli jkun il-bilanċ bejn l-immigrazzjoni u l-emigrazzjoni. Il-popolazzjoni ta’ immigranti qed ikollha sehem qawwi ta’ dawk f’etajiet li jaħdmu. Min-naħa l-oħra dawk li jħallu pajjiżhom huma relattivament żgħażagħ. Dawn darba jsiefru jnaqqsu n-numru ta’ dawk f’età li jaħdmu u anke r-rata tal-fertilità. Fejn inqas twelidijiet ifissru inqas żwiġijiet u inqas tfal. Ċirku viżżjuż li qed inaqqas il-popolazzjoni tal-pajjiżi Ewropej. Min-naħa l-oħra qed tkompli tikber il-popolazzjonii anzjana. Hu proġettat li bejn l-2025 u l-2100 fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jkun hemm 253 miljun twelid u 409.3 miljjun mewt. Dan iħalli tnaqqis fil-popolazzjoni tal-UE ta’ 156.7 miljun persuna. Min-naħa l-oħra l-immigrazzjoini hi proġettata li żżid 103.7 miljun persuna. Hekk bejn il-popolazjonijiet tal-pajjiżi membri tal-UE u l-immigrazzjoni ser ikun hemm tnaqqis fil-popolazzjoni tal-istess UE ta’ 53 miljun. Fl-istess waqt li l-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea se tkompli tonqos l-età medja hi mistennija li tiżdied fost il-pajjiżi membri kollha. B’Malta, Ċipru, l-Irlanda, il-Lussumburgu, il-Litwanja u l-Polonja jaraw l-ikbar żidiet fl-età medja. F’dawn is-sitt pajjiżi l-età medja mistennija tiżdied b’iktar minn 10 snin. Minn fost dawn is-sitt pajjiżi ħamsa minnhom huma pajjiżi Mediterranji.

Anzjani fuq il-65 sena
Is-sehem ta’ dawk ta’ iktar minn 65 sena fl-Unjoni Ewropea hu proġettat li jikber iżjed mid-doppju sas-sena 2100. Fl-istess waqt li n-numru tal-anzjani ser jiżdied, dak taż-żgħażagħ ta’ bejn 0-19 hu proġettat li jonqos f’termini assoluti minn sehem ta’ 23.3% (99.4 miljun) tal-popolazzjoni tal-UE għal 16.7% (66.6 miljun) fl-2100. Dawk ta’ etajiet bejn l-20 u l-64 sena, snin li l-bniedem jaħdem, huma proġettati li jonqsu minn 61% (262 miljun) fil-bidu tal-2025 għal 49.7% (198.4 miljun) fl-2100 – jew 63.6 miljun inqas. Is-sehem tal-anzjani ta’ 65 u iktar hu proġettat li jiżdied minn 12.4% (67.9 miljun) fil-bidu tal-2025 għal 33.6% (133.8 miljun) fl-2100. Dawn iċ-ċifri kollha juru stampa skoraġġanti għall-Ewropa. It-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-kontinent tagħna ilu ġej. It-twissijiet ilhom hemm. Papa Franġisku kien xeba’ jitkellem dwar xitwa demografia fl-Ewropa. Hemm pajjiżi li ħadu miżuri biex jekk tal-inqas ma jitfgħux lura din it-tendenza, iwasslu għal stabbilità.
Kif għidna iktar minn darba anke jekk il-flus jaslu li jsolvu parti mill-problema żgur mhux se jsolvuha kollha. F’pajjiżna parti mill-problema hi l-ħajja għolja. Koppja biex ikollha appartament tagħha jridu jaħdmu t-tnejn. Ħafna drabi anqas dan mhu biżżejjed u hekk minbarra milli jaħdmu t-tnejn ikun hemm xi ħadd minnhom li jkollu anke impjieg part-time. Fin-nuqqas ta’ bilanċ bejn xogħol u familja, il-familji ma jikbrux. Dan qed iwassal biex pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ twelidijiet fl-Unjoni Ewropea. Rata li tkompli tinżel ħafna jekk naqtgħu twelidijiet ta’ nisa barranin li bir-rata li sejrin l-affarijiet ma jdumx li jkun hawn iktar twelidijet minn barranin milli minn Maltin.

Problemi mit-tkabbir tal-popolazzjoni
Il-popolazzjoni żejda f’pajjiżna wkoll qed toħloq problemi. Problemi ta’ ffullar, ta’ żieda fit-traffiku li qed toħloq ansjetà u mard mentali, in-nuqqas ta’ spazji miftuħa fejn il-Gvern iwiegħed li se jagħmel ħafna u ma jagħmel xejn. Naf b’iktar minn koppja waħda li tant iddejqu mill-ambjent madwarhom li għażlu li jmorru jgħixu fi Sqallija jew partijiet oħra tal-Italja u jiġu lura Malta kultant biex jiltaqgħu mal-bqija tal-familja!
Dan illum b’popolazzjoni ta’ 574,000. Aħseb u ara x’ser jiġri meta l-popolazzjoni tikber għal 724,000. U probabbilment anke ħafna iktar! Anqas irridu ninsew li minbarra ż-żieda fil-popolazzjoni għandna wkoll iż-żieda fit-turiżmu tal-massa. Din iż-żieda wkoll qed timpatta b’mod negattiv qawwi l-mod kif ngħixu f’pajjiżna. B’dan l-iżbilanċ li qed jinħoloq bejn il-popolazzjoni ta’ Maltin u Għawdxin u dik ta’ immigranti mhux ‘il bogħol li f’pajjiżna jkun hawn iktar barranin milli Maltin!
‘Il bogħod mill-ftaħir u l-kliem żejjed aħjar il-Gvern jibda jaħdem biex verament ikollna iżjed kwalità milli kwantità. S’issa kellna biss kliem. Meta nibdew naraw il-fatti forsi nibdew nemmnu li mhux kollox mitluf għall-popalazzjoni Maltija u Għawdxija.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 26 ta’ April, 2026.