Mark A. Sammut Sassi
Tal-lum ma nafx imnejn naqbad nibdiha. Intom u taqraw se tifhmu għaliex.
Il-ġimgħa l-oħra kont l-Università, u kelli bżonn ngħaddi sat-toilet, f’Dar l-Istudent. (Fi żmieni hekk kienet tissejjaħ il-binja fejn hemm ir-refettorju (illum jismu “Kantin”!) u l-uffiċini tal-Kunsill tal-Istudenti Universitarji.)
Mal-ħajt tat-toilet is-soltu wieħed jistenna li jsib l-oxxenitajiet. F’dal-każ sibt “Xilja”, u se nikteb dwarha llum.
Hemm miktub hekk:
“MALTA Nsterqet
MALTA q**buk MALTA qatlulek ’l uliedek MALTA żarmawlek il-lingwa MALTA faqgħuk bil-bini MALTA ——-lek il-Futur” Il-bqija ma jinqarax … (Fejn użajt “” għax kelma vulgari; fejn użajt “–“ għax il-kitba żbajdiet.)
Nassumi li dix-Xilja kitibha student żagħżugħ.
Jingħad ħafna diskors dwar iż-żgħażagħ u xi jridu. Dix-Xilja hi stqarrija ta’ xi jħossu ż-żgħażagħ Maltin. Hi Xilja onesta, ħierġa dritt minn qalb li biċ-ċar hi muġugħa.
Qed tixli lill-Kbarat li lil Malta neżżgħuha mill-integrità u minn dak li hu tajjeb. Li qatlulha ’l uliedha. Li żarmawlha lsienha. Li, għandi nifhem (għax il-kitba mhix ċara), ħarbtulha l-Futur.
Kull waħda minn dax-xiljiet hi minnha. Il-korruzzjoni, it-tixħim, il-ħmieġ morali lil Malta ġabuha bħal “mara tat-triq”, li tbigħ lilna nnifisha biex taqla’ l-għajxien.
Ulied Malta nqatlu. Wieħed jista’ jestrapola sentiment kontra l-abort. Jista’ wkoll jestrapola sentiment kontra l-ħarba tal-imħuħ mill-pajjiż – ulied Malta li għandhom talent u intelliġenza qed imorru jużawhom f’artijiet oħrajn… u jtejbu artijiet oħrajn flok Art Twelidhom. Qatlulha ’l uliedha lil Malta għax mifnijin bl-ispejjeż, biex jixtru post, ngħidu aħna, li mbagħad ikun post gabuba. Ulied Malta ma jifilħux iġibu l-ulied fid-dinja… għax l-ispejjeż huma m’ogħla s-sema… qtil dan mhux bis-sikkina jew l-għodda tat-tabib abortist, jew bil-pilloli moħbijin fil-kaxxafortijiet żgħar imxerrdin mal-pajjiż li jġibu l-abort kimiku, imma qtil bil-politika żbaljata tal-Ekonomija fiċ-ċentru flok il-Bniedem. Liż-żgħażagħ qed jasfissjawhom biex ċerti wħud jistagħnew bla rażan. Liż-żgħażagħ qed jagħsruhom biex imbagħad ċerti wħud jixtru l-vilel barra minn Malta u hawn Malta l-karozzi lussużi… issa saħansitra fetħet konċessjonarja tal-Maserati.
L-Ilsien Malti tertquh. Hawn żgħażagħ ma jafux jitkellmu bil-Malti. Ftit ilu kont f’supermarket u jien inħobb nixtri ħafna pakketti tal-ilma f’salt. Ġie impjegat żagħżugħ “jgħinni”; saqsieni, “Kemm-il pakkett għandek?”; għedtlu, “Dsatax”; qalli, “Għidli bl-Ingliż, għax in-numri bil-Malti ma nafhomx!”; għedtlu, “Wieħed inqas minn għoxrin”; kiteb 16! Bqajt issummat inħares lejh! Għedtlu, “Dsatax mhux sittax!” Did-darba baqa’ hu ċċassat lejja. Issa dan mhux se juża l-Ingliż biex imur jispeċjalizza barra f’xi qasam li hawn Malta mhux mgħallem. Dan sempliċement ma jafx in-numri bil-Malti! U mbagħad jiġi Peppi li – bir-rispett kollu – joħroġ bi ħmerija ta’ dimensjonijiet kolossali li għandna niffavorixxu l-Ingliż. Għaliex Pepp? Min irid imur barra jistudja, m’għandekx għalfejn tiffavorilu l-Ingliż, għax ġa minnu nnifsu għandu dak li hu meħtieġ biex jaħkem aktar minn ilsien wieħed. L-oħrajn: għaliex tħawdilhom moħħhom? Biex lanqas jafu jgħoddu u jispiċċaw jgħadduhom biż-żmien ix-xakalli li ħadu l-pajjiż f’idejhom? Dawn x’suġġerimenti huma?
Segwaċi ta’ Vassalli
Jien nibqa’ segwaċi ta’ Vassalli: lill-Maltin l-ewwel għallimhom il-Malti. Mhux għal xi raġuni romantika jew sentimentali. Imma biex jitgħallmu jaħsbu fl-ilsien li ssawwar fiċ-ċirkostanzi storiċi u ġeografiċi ta’ dal-gżejjer. Imbagħad għallimhom l-ilsna barranin ħalli jinteraġixxu mal-barranin. U mhux biss l-Ingliż! Imma anki t-Taljan, ilsien l-art ġara tagħna li mhux biss hi t-tielet ekonomija tal-Ewropa (u t-tieni f’termini ta’ esportazzjoni) imma fuq kollox hi parti mill-G7, l-akbar seba’ ekonomiji tad-dinja! Hekk jitlob l-għaqal… u mhux ideat ta’ żmien il-Ħakma Kolon-jali. Iddiżappuntani bil-kbir Peppi!
Imma ħalli nissoktaw bix-Xilja miktuba mal-ħajt. L-aħħar kap ta’ akkuża li jista’ jinqara sew jgħid li Malta ħarbtulha l-Futur. Dan l-aħħar kap ta’ akkuża hu ta’ swied il-qalb kbir. Meta ż-żgħażagħ iħossu li m’għandhomx futur hu l-mument meta kulħadd għandu jieqaf u jirrifletti. Dil-ġirja sfrenata għall-flus, aktar flus, u terġa’ aktar flus irridu nieqfu minnha għal waqt twil ta’ riflessjoni u ta’ eżami tal-kuxjenza. X’futur qed nagħtuhom liż-żgħażagħ? Futur ta’ tellieqa għall-flus, biex ilaħħqu mal-prezzijiet il-ħin kollu jogħlew tal-bini? Biex jiġru wara wegħdiet fiergħa ta’ hena bix-xiri ta’ prodotti li m’għandhomx bżonn? Fejn marru l-valuri tar-relazzjonijiet umani, tal-imħabba tal-għeżież tagħna, tal-kenn morali u rdoss psikoloġiku u emottiv li tagħtik il-familja? Fejn marret il-prijorità lill-benessri ġewwien a skapitu tal-benessri materjali?
Din mhi xejn għajr katastrofi, li twassal għas-solitudni, għall-iżolament soċjali, għad-dwejjaq, għall-għeluq f’dinja klawstrofo-bika fejn l-individwu jiġi kkastigat mis-soċjetà, midbuħ fuq l-artal tal-Profitt tal-Ftit magħsur mid-demm u t-tbatija mentali tal-Kotra.
Għamel sew Alex Borg, il-Kap Nazzjonalista, li tefa’ dawl qawwi fuq il-problema tas-solitudni f’dal-pajjiż. Jagħmel sew kull min b’sens t’imħabba lejn Artu jħares lejn il-Mostru maħluq mir-Rivoluzzjoni tal-Labour li bdiet fl-2013 u l-Mostru jsejjaħlu b’ismu. Dal-Mostru li qed jgħix fostna jeħtieġ naqtgħulu rasu u negħlbuh. Jien konvint li l-Kap Nazzjonalista għandu dak kollu meħtieġ biex jirnexxi f’dil-missjoni nazzjonali.
Lil dak l-istudent li kiteb dik ix-Xilja mal-ħajt tat-toilet f’Dar l-Istudent nistiednu jikteb aktar. Mhux fejn kiteb, imma fil-gazzetti, fil-midja soċjali, kull fejn jista’ jinqara f’kuntest aktar dinjituż minn toilet. Għax ix-Xilja tiegħu mhix eskrement imma karba ġenwina ta’ ġenerazzjoni żagħżugħa ttraduta mill-proġett maħmuġ ta’ ‘Malta Tagħna Lkoll’ li fil-verità ssarraf f’Malta tal-Ftit u ta’ Dawk tal-Qalba.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 30 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

