Ivan Castillo
Shadow Minister
għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni
Illum, 45% tal-ħaddiema Maltin jaqilgħu inqas minn €19,000 fis-sena. Fl-istess ħin, il-prezzijiet tal-ikel żdiedu b’mod qawwi fl-aħħar snin, u l-prezzijiet tad-djar splodew. Dan ifisser li, minkejja li qed naħdmu aktar, il-probabbiltà li ssir sid ta’ darek qed tonqos. Hemm 57% tal-ħaddiema jgħidu li huma stressati fuq il-post tax-xogħol u 56% qed jesperjenzaw ansjetà. U forsi l-aktar allarmanti: biss 2 minn kull 10 iħossuhom motivati fuq ix-xogħol.
Din mhix ekonomija li taħdem għan-nies. Din hi sistema li qed tgħejja lill-ħaddiema.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li wasal iż-żmien ta’ bidla vera, bidla li tqiegħed lill-bniedem fiċ-ċentru tal-ekonomija u fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Għalhekk qed nipproponu pakkett serju u komprensiv biex intejbu kemm id-dħul tal-ħaddiema kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
L-ewwel nett, qed nipproponu li l-ewwel €10,000 minn xogħol part-time u overtime ma jkunux intaxxati. Dan mhux biss jagħti spinta immedjata fid-dħul tal-familji, iżda jippremja lil min jagħżel li jaħdem aktar. Huwa pass konkret biex il-ħaddiema jżommu aktar minn dak li jaqilgħu.
Imma d-dħul biss mhux biżżejjed. Il-kwalità tal-ħajja hija essenzjali. Hawnhekk tidħol il-politika tagħna fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Il-Partit Nazzjonalista qed jimbotta b’mod ċar lejn mudell modern ta’ xogħol, fejn it-teknoloġija tintuża biex tagħti aktar flessibbiltà lill-ħaddiema.
Qed nipproponu skema ta’ inċentivi fiskali għall-kumpaniji li jippromwovu r-remote working. Min iħaddem li joffri remote working ser jingħata tax rebates, għax nemmnu li dan mhux biss jgħin lill-ħaddiema, iżda jtejjeb il-produttività u jnaqqas il-konġestjoni fit-toroq.
Illum, il-Gvern qed jillimita r-remote working għal 20% tal-ġimgħa tax-xogħol. Din mhix soluzzjoni – hija restrizzjoni. F’dinja fejn il-mod kif naħdmu qed jinbidel malajr, Malta qed tibqa’ lura. Aħna rridu nibnu mudell Malti li jħares ’il quddiem, mhux wieħed li jżomm lin-nies lura. Fl-istess ħin irridu nużaw it-teknoloġija biex intejbu l-produttività tagħna.
Parti minn din il-viżjoni hija wkoll l-istudju serju fuq il-4-Day Week. Mhux bħala slogan, iżda bħala politika bbażata fuq evidenza u fuq l-użu tat-teknoloġija biex nagħmlu aktar b’anqas. Pajjiżi oħra diġà qed jesperimentaw b’suċċess. Għaliex Malta għandha tibqa’ lura?
Studju fejn noħolqu “Mudell Malti” fejn ix-xogħol ma jitkejjelx iżjed bil-ħin, imma bil-produzzjoni. Illum anke l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem qed jistudjaw il-4-Day Week. Il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni, mhux biss biex isegwi trends ġodda fid-dinja tax-xogħol, imma biex niżguraw li nżommu t-talent Malti f’Malta u ma nibqgħux nitilfuh minħabba brain drain.
Fl-istess ħin, ma nistgħux ninjoraw il-ħtieġa urġenti li ninvestu fil-ħiliet. Il-futur tax-xogħol jitlob ħaddiema aktar kwalifikati u produttivi. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi investiment bla preċedent fit-taħriġ u l-upskilling tal-ħaddiema. Dan mhux biss jgħin biex jingħalqu l-lakuni fil-ħiliet, iżda jwassal għal pagi ogħla u xogħol ta’ aktar valur.
Illum, il-Gvern baqa’ jiddependi wisq fuq mudell ekonomiku bbażat fuq xogħol intensiv u pagi baxxi. Dan wassal għal pressjonijiet fuq l-infrastruttura, fuq is-servizzi u fuq il-kwalità tal-ħajja. Aħna rridu nbiddlu direzzjoni, lejn ekonomija bbażata fuq xogħol ta’ valur miżjud, innovazzjoni u ħiliet.
Id-dinja tal-AI, automation u teknoloġija avvanzata diġà qiegħda magħna, u bħala pajjiż għadna lura ħafna.
Dan mhux biss perikoluż għax inkunu inqas kompetittivi, imma jfisser ukoll li m’aħniex preparati biżżejjed biex nilqgħu xogħol ta’ valur miżjud jew biex nippreparaw lill-ħaddiema għal bidliet inevitabbli.
Il-ħaddiem Malti ma jistax jibqa’ jħallas il-prezz ta’ nuqqas ta’ viżjoni.
Ma jistax jibqa’ jqatta’ sigħat fit-traffiku kuljum, ħin li kważi jammonta għal nofs il-leave annwali tiegħu — biex jasal għal xogħol li ma jagħtihx sodisfazzjon u li bilkemm ilaħħaq mal-għoli tal-ħajja.
Dan hu l-mument li nagħżlu triq differenti.
Il-Partit Nazzjonalista għandu pjan ċar: aktar flus fil-but tal-ħaddiem, aktar flessibbiltà fix-xogħol, aktar investiment fil-ħiliet, u aktar rispett lejn il-ħin u l-ħajja tal-bniedem.
Għax xogħol tajjeb mhux biss dak li jħallas il-kontijiet, imma dak li jagħti dinjità, opportunità u kwalità ta’ ħajja.
F’dan Jum il-Ħaddiem, ejjew nimpenjaw ruħna li nibnu ekonomija li taħdem għan-nies. Ekonomija fejn ix-xogħol u l-pjan ta’ fejn sejrin itejbu l-ħajja tal-familji Maltin, mhux li jiggravawha.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 26 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

