Lokali

Qbil bejn dak li qed tipproponi l-Malta Chamber u l-Partit Nazzjonalista

Tranżizzjoni lejn turiżmu u ekonomija ta’ kwalità.

Huwa dan il-pass li Malta jeħtieġ li tieħu skont studju li għamlet il-Kamra tal-Kummerċ bl-isem ta’ Rediscover to Allign u li ġie preżentat lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg. Li minn naħa tiegħu stqarr li l-Partit Nazzjonalista ilu żmien jitkellem dwar dan il-bżonn.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, William Spiteri Bailey stqarr li t-turiżmu dejjem kien pilastru b’saħħtu għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Però issa wasal iż-żmien li nistaqsu – kemm se nkomplu nkabbru dan is-settur, u kif?

Spiteri Bailey li kien akkumpanjat minn delegazzjoni tal-Kamra qal li l-messaġġ huwa ċar: minn volum irridu nimxu lejn il-valur, minn viżjoni short term għal dik long term għax jekk le hemm riskju li jintilef kollox.

Għalhekk il-Kamra qed tipproponi 3 pilastri: li titjieb l-esperjenza tat-turist, li tiġi offruta esperjenza awtentika u differenzjata – u li tissaħħaħ il-kapaċita tal-ħaddiema.

Minn naħa tiegħu Alex Borg spjega li l-Partit Nazzjonalista adotta diversi proposti li ressqet il-Kamra tal-Kummerċ matul is-snin, dan hekk kif jaqbel li n-numri huma sbieh però d-daqs ta’ Malta huwa dak li hu, u għalhekk il-kwalità hija iktar kruċjali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat għal din il-laqgħa mix-shadow ministers Ivan Castillo, Adrian Delia, Mario de Marco, Stanley Zammit u Julie Zahra.