Internazzjonali

Wara t-terrur fir-Renju Unit: L-awtoritjiet jinvestigaw x’wassal għall-attakk f’Golders Green, b’diversi mistoqsijiet qed jistennew tweġiba

L-awtoritajiet fir-Renju Unit qed jinvestigaw kif raġel Somalu li kien diġà indikat bħala terrorista potenzjali seta’ jitħalla jwettaq l-attakk ta’ nofs il-ġimgħa f’Golders Green li jifforma parti minn Barnet, li tinsab lejn il-Majjistral ta’ Londra.

Fl-attakk ta’ nhar l-Erbgħa, żewġ irġiel Lhud b’ċittadinanza Britannika spiċċaw aggrediti u fejn sofrew diversi daqqiet ta’ sikkina. U fl-aħħar sigħat, ħarġu rapporti li l-moviment radikali bl-isem  Harakat Ashab al-Yamin al-Islamiya (HAYI) assuma responsabbiltà għall-inċident li qed ikun trattat bħala wieħed terroristiku.

L-esperti jissuġġerixxu li s-Somalu, li wkoll għandu ċittadinanza Britannika, għandu storja twila ta’ vjolenza minbarra li jbati minn problemi mentali. Hu kien daħal legalment fir-Renju Unit fejn ilu jgħix mill-ewwel parti tad-disgħinijiet.

Sadanittant, mhux eskluż li l-konnessjoni bejn dan ir-u l-imsemmi grupp radikali hu wieħed opportunistiku u mhux daqstant reali.

Il-grupp Harakat jirreferi għal Moviment Iżlamiku tal-Alleati tal-Lemin u fil-passat kien ħa responsabiltà għal attakki oħrajn fejn xi istituzzjonijiet madwar l-Ewropa u l-ambulanzi għall-komunitajiet tal-Lhud kienu ngħataw in-nar.

Il-branding tal-grupp jixbaħ dak tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iżlamika li hi l-entità militari elit tal-Iran. Fl-istess ħin, l-esperti qed jistaqsu jekk il-grupp Harakat, fil-fatt, hux grupp terroristiku inkella  qiegħedx iservi bħala front għall-azzjonijiet ostili xprunati mir-reġim Iżlamiku Iranjan b’reazzjoni għall-Gwerra attwali fir-reġjun tal-Golf.

Dan ukoll meta l-messaġġi tal-Harakat qed jinkoraġġixxu lis-segwaċi tal-grupp biex ‘joqtlu lil-Lhud u liż-Żijonisti’ minbarra li qed iħeġġu wkoll l-assassinju tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump.

Fl-aħħar sigħat, il-Pulizija Metropolitana kienu qed ifittxu fir-residenza tal-aggressur li tinsab f’zona lejn ix-xlokk ta’ Londra.

Mifhum li wara li nżamm taħt arrest, is-suspettat kellu jiddaħħal l-isptar biex ikun trattat għall-ġrieħi u, fil-fatt, għandu jibqa’ f’idejn il-pulizija għal żmien mhux determinat.

Ir-raġel se jibqa’ taħt arrest taħt il- Criminal Evidence Act, u li jfisser li hu, teoretikament, jista’ jibqa’ miżmum għal massimu ta’ 96 siegħa jekk kemm-il darba l-pulizija jingħataw il-permess mingħand maġistrat….Permess li jista’ ma jkunx neessarju fiċ-ċirkustanzi.

Fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministrtu Britanniku, Keir Starmer, mar fuq is-sit tal-attakk f’’Golders Green fejn kien ibbuwjat u anki insulentat minn uħud fost il-folla preżenti.

Starmer kien akkumpanjat mis-Segretarju għall-Intern,  Shabana Mahmood, u mill-Kummissarju tal-Pulizija Metropolitana, Mark Rowley – u meta huma kellhom diskussjoni fuq stil ta’ round table mal-kapijiet tas-servizzi mediċi tal-Hatzola; liema gruipp hu magħmul mill-voluntiera Lhud.

Id-diskussjonjiet mifhuma li trattaw il-mezzi u l-istrateġiji li fost oħrajn għandhom isaħħu s-sigurtà għall-komunitajiet tal-Lhud f’Londra u l-periferiji tal-kapitali.