Lokali

22 sena ta’ opportunitajiet : 22 sena ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea

22 sena ta’ opportunitajiet. 22 sena ta’ investimenti. 22 sena ta’ leħen b’saħħtu madwar il-mejda tad-diskussjoni. 22 sena ta’ Malta Ewropeja.

L-ewwel ta’ Mejju tal-2004, wara snin ta’ ħidma ta’ Gvern Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami, il-Prim Ministru Nazzjonalista Lawrence Gonzi issiġilla s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

L-istorja tmur lura għall-1990, meta l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami applika formalment sabiex pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Tliet snin wara, il-Kummissjoni Ewropea tat rapport pożittiv ħafna ta’ pajjiżna iżda l-proċess twaqqaf ħesrem mill-Prim Ministru Laburista Alfred Sant.

Fl-1998, wara Gvern Laburista li dam biss 22 xahar, il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami kompla bl-applikazzjoni. U fis-sena 2000 pajjiżna daħal f’diskussjonijiet intensivi. Fejn sentejn wara, fil-Kunsill Ewropew f’Copenhagen, in-negozjati ntemmew b’suċċess.

B’hekk Eddie Fenech Adami mar quddiem il-poplu Malti b’kampanja favur l-Unjoni Ewropea u l-poplu għażel is-sħubija, minkejja li l-Labour prova minn kollox biex imexxi l-pajjiżna ‘l bogħod mill-Unjoni.

Fl-2003, f’Ateni, Eddie Fenech Adami ffirma t-trattat tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea f’Ateni fil-Greċja, fejn ftit wara l-parlament Malti qabel illi Malta tkun fl-Unjoni Ewropea.

U wara din il-ħidma kollha, ta’ Gvern Nazzjonalista, fl-ewwel ta’ Mejju tal-2004 pajjiżna fetaħ il-bieb għal aktar opportunitajiet, fondi, deċiżjonijiet u sħubija li għadha tħalli l-frott sal-ġurnata tal-lum.


Mument, li l-poplu Malti u Għawdxi naqqax fl-istorja tiegħu, fl-istorja ta’ poplu li dejjem ħolom u rnexxielu jagħmel kisbiet enormi bis-saħħa ta’ viżjonarji Maltin li mexxew lil pajjiżna lejn din id-direzzjoni.