Lokali

Abela joħroġ mill-bieb prinċipali ta’ Kastilja biex jindirizza l-attività tal-Labour

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Pass deskritt bħala wieħed li jmur kontra dak li l-Uffiċċju ta’ Prim Ministru jirrappreżenta

F’Attività tal-Massa Laburista, attività partiġjana, il-Mexxej Laburista Robert Abela niżel jindirizzaha flimkien ma’ martu mit-taraġ ta’ Kastilja, ċioè l-Uffiċċju tal-Prim Ministru – fejn saħansitra fetħulu l-bieb is-suldati għassa mal-Berġa – b’Abela jindirizza l-attività partiġjana fil-vesti ta’ Prim Ministru suppost ta’ kulħadd…u mhux bħala Mexxej Laburista.

Pass li kien deskritt minn bosta bħala wieħed li jmur kontra dak li l-uffiċċju tal-Prim Ministru jirrappreżenta – jiġifieri Prim Ministru li jirrappreżenta lil kulħadd.

Iżda b’dan il-pass Robert Abela wera biċ-ċar li hu ma jirrappreżentax lil min ma jappartjenix għal familja Laburista, dawk li jħadnu fehmiet differenti minn tiegħu – mhux biss dawk li jagħtu s-sostenn lil Partit Nazzjonalista, iżda anke dawk li jridu t-tielet partit fil-Parlament jew saħansitra ma jappartjenu għall-ebda partit.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Din hija l-evidenza ċara ta’ arroganza li għalih, il-Partit Laburista Kastilja hija tiegħu bi dritt divin, u jekk qatt xi darba kellna dubju min huwa l-establishment li tant ħabbat fuq sidru sentejn ilu l-istess Robert Abela, illum kellna konferma. L-esteblishment ma huwa ħadd ħlief hu.

F’ħafna pompi, Robert Abela ftaħar li se jżid l-istipendju tal-istudenti bi 15% – 10% inqas minn dak li qed jiproponi Gvern ġdid Nazzjonalista hekk kif Alex Borg għamilha ċara u tonda li se jżida b’25%.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Tul din l-attività tal-massa tkellem ukoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru Ian Borg fejn insista li l-bidu tal-kampanja elettorali tal-Partit Laburista kienet waħda pożittiva, minkejja l-ġlied intern partikolarment fuq is-sitt distrett.

Bl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista jwarrab lid-Deputat Roderick Galdes, kontra r-rieda tal-Mexxej Robert Abela – b’Abela jgħid lil Galdes biex jieqaf jippilla għax kien qed jagħmel il-ħsara lill-istess Labour.

Ian Borg kompla jisħaq fuq l-islogans ta’ Tagħna Lkoll ta’ żmien Joseph Muscat, iżda l-poplu konxju biżżejjed li fl-aħħar 13-il sena tal-qalba gawdew ferm aktar miċ-ċittadin komuni – kemm mil-lat ta’ traffiku, ambjent, saħħa mentali, wegħdiet fierħa b’rabta ma’ diversi setturi u flejjes ta’ miljuni ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu li tberbqu biex iħaxnu bwiet ħaddieħor.

Dan filwaqt li minkejja l-mijiet ta’ eluf ta’ ewro mberbqa f’konferenzi, waħda wara l-oħra, Borg sostna li l-Labour huwa l-underdog.

Aktar qabel id-Deputat Mexxej Laburista Alex Agius Saliba insista li Amministrazzjoni Laburista dejjem żammet il-kelma mal-poplu bil-wegħdiet elettorali tiegħu, għax dan huwa kuntratt mal-poplu.

Madanakollu din hija gidba, ċara u tonda. Dan hekk kif f’diversi manifesti elettorali ma twettqux numru ta’ wegħdiet fosthom l-isptar ġdid f’Għawdex, it-trakka f’Ħal Far li għadha ma twetqix minkejja deadline jinksier…wieħed wara l-ieħor – in-Northen Hub fit-Tramuntana mwiegħed fl-aħħar elezzjoni ġenerali u l-breakwater f’Marsalforn…lista twila li tinkludi wkoll il-proġett qawwi tal-imħażen tal-Karnival….li d-dilettanti għadhom qed jistennew.

Dan filwaqt li b’tant pompa insista li l-Partit Laburista jrid iżid l-istipendji tla-istudenti bi 15% …..ferm inqas minn kif Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed iżid lill-istudenti b’25%.

Intant, f’nofs attakk partiġjan mimli rabja, l-MEP Laburista saħansitra qalb dan l-attakk saħansitra spiċċa jħawwad il-partiti f’diskorsu, u qabbel il-Partit Nazzjonalista li qed iħejji għal Gvern ġdid, mal-Partit Laburista.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo