Fl-aħħar jiem, il-Partit Nazzjonalista nieda sensiela ta’ proposti għas-settur tas-saħħa, li niżlu tajjeb ferm mal-Maltin u l-Għawdxin, kif ukoll mal-Kamra tal-Ispiżjara f’Malta.
F’kummenti lil Net News, Mary Ann Sant Fournier, il-President tal-Kamra, spjegat li l-ispiżjara f’Malta laqgħu l-proposti kollha li nieda l-Partit Nazzjonalista waqt din il-kampanja.
Sant Fournier spjegat li l-ispiżjara jiffukaw fuq il-provvista u l-aċċess ekwu għall-mediċini għal kulħadd, u li dawn ikunu ta’ livell Ewropew.
Dwar il-proposta tal-Partit Nazzjonalista li jikkometti ruħu li l-mediċini kollha tal-kanċer preskritti mill-konsulent jingħataw b’xejn, il-President qalet li l-mediċina tal-onkoloġija aċċessibbli għal kulħadd mingħajr ħlas hija proposta mill-aktar interessanti u importanti.
Bħala Kamra, huma jemmnu li l-mediċini kollha, partikolarment dawk tal-onkoloġija, jgħinu biex jonqos il-fatt li bosta qed jirrikorru għall-karità istituzzjonalizzata. Hija saħqet li dan bl-ebda mod ma jnaqqas ix-xogħol ta’ fejda li sar mill-Presidenti passati u preżenti flimkien mal-Malta Community Chest Fund. Spjegat ukoll li l-ispiżeriji jaħdmu mill-qrib mal-MCCF, li qed tagħmel xogħol importanti ħafna u tnaqqas ftit mill-piż li dawn ikunu qed iġorru.
Sant Fournier stqarret li wieħed għandu jiffoka wkoll fuq il-kura paljattiva u li l-aċċess għal din il-kura għandu jkun mingħajr ostakli, sabiex tkun kura sħiħa. Hawnhekk tenniet li, bħala Kamra, huma lesti jikkollaboraw mal-partiti politiċi biex dan ikun possibbli.
Dwar il-mediċina innovattiva, il-President tal-Kamra tal-Ispiżjara qalet li Malta għandha tkun fuq l-istess livell ta’ pajjiżi Ewropej. Spjegat li qed tgħid dan mingħajr ma tnaqqas il-valur tal-kura tas-saħħa preżenti, iżda bħala Kamra dejjem iħarsu ’l quddiem u għalhekk, minn dan l-aspett, għad hemm xi jsir.
Tenniet li kull pjan għandu jkun sostenibbli.
Dwar il-proposta li “tiddaħħal sistema diġitali waħda għar-rekords mediċi tal-pazjenti u ‘digital front door’ għas-servizzi tas-saħħa”, Sant Fournier qalet li l-Kamra hija miftuħa għall-iżvilupp tat-teknoloġija. Madanakollu, huwa importanti li l-fokus jibqa’ l-pazjent u l-bniedem; għalhekk saħqet li l-kuntatt personali tal-ispiżjar mal-pazjent m’għandux jinqata’. Żiedet li l-etika għandha tibqa’ sostnuta.
Dwar iż-żieda fl-investiment fil-ħaddiema tas-saħħa — fosthom fil-kundizzjonijiet, karrieri, taħriġ u salarji aħjar — hija qalet li l-valutazzjoni tal-professjonisti, partikolarment tal-ispiżjara, hija importanti għax turi li l-ħidma tagħhom qed tiġi rikonoxxuta.
Sant Fournier qalet ukoll li l-proposta tad-diċentralizzazzjoni hija waħda interessanti, iżda tajjeb li wieħed jara kif din tista’ tiġi implimentata f’qasir żmien, speċjalment fejn ma hemmx bżonn investiment infrastrutturali.
//= $special ?>

